Fi Frar 2016, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) iffirmaw l-ewwel Memorandum ta’ Kooperazzjoni bilaterali bejniethom bil-għan prinċipali li jifformalizzaw il-kollaborazzjoni fuq materji ta’ interess reċiproku.
Dan il-ftehim iffaċilita l-bdil ta’ informazzjoni u data bejn iż-żewġ entitatijiet, dejjem fil-parametri tal-valuri fundamentali ta’ indipendenza u kunfidenzjalità. Essenzjalment, dan il-memorandum jirrifletti ir-Reżoluzzjoni tal-Kumitat ta’ Kuntatt (CC-R-2012-02) dwar il-kooperazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-entitajiet nazzjonali ta’ verifika, bħall-NAO, u l-Eurostat u istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika.
Meta dan l-ewwel memorandum kien wasal biex jiskadi, iż-żewġ entitatijiet ftehmu li jerġgħu jinnegozjaw ftehim aġġornat kif jixraq, li jirrifletti r-realitajiet u ċ-ċirkostanzi ta’ dawn iż-żminijiet. Wara diskussjonijiet estensivi, memorandum ġdid ġie ffirmat illum minn Charles Deguara, Awditur Ġenerali, u Etienne Caruana, Direttur Ġenerali tal-NSO, fil-preżenza ta’ Noel Camilleri, Deputat Awditur Ġenerali, u Dr Carl Noel Camilleri, Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Istatistika, Owen Grech, Direttur Statistika Ekonomika, u Mark Galea, Kap tas-Sezzjoni tal-Finanzi Pubbliċi għall-NSO.