Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nedew il-programm ta’ attivitajiet għall-festa tradizzjonali ta’ San Girgor.
Il-festa ta’ San Girgor tmur lura saħansitra għas-seklu 16. Fil-forma li nafuha llum, bdiet fl-1781 b’digriet mill-Isqof Vincenzo Labini fejn kien ġie deċiż li din il-festa tkun iċċelebrata dejjem l-ewwel Erbgħa fuq l-Għid il-Kbir. Hija magħrufa wkoll li fiha ssir l-ewwel għawma.
Il-Ministru Owen Bonnici qal kif għal darb’oħra l-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn it-tisħiħ tal-identità kulturali tagħna, u dan anke permezz ta’ ħidma flimkien mal-kunsilli lokali rispettivi. “L-inizjattiva biex jiġi mmarkat San Girgor b’dan il-mod uniku, b’attivitajiet kulturali, mużika, għana u attivitajiet edukattivi, qed turi biċ-ċar kemm aħna determinati li nressqu l-wirt intanġibbli tagħna eqreb lejn il-poplu, b’mod speċjali lit-tfal,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli rrimarkat li din it-tradizzjoni hija waħda ferm imfittxija mhux biss miż-Żwieten u mix-Xlukkajri iżda minn eluf ta’ Maltin, Għawdxin u barranin li jiġu apposta biex jiċċelebraw dan il-jum. Hija faħħret lid-Direttorat għall-Kultura u l-kunsilli lokali għall-impenn tagħhom sabiex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja u tibqa’ tintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Min-naħa tiegħu, Clifford Galea, l-Assistent Direttur tad-Direttorat tal-Kultura, li spjega l-programm ta’ attivitajiet, qal, “Id-Direttorat tal-Kultura huwa impenjat li jsaħħaħ tradizzjonijiet li għaddew għandna sa minn ħafna snin ilu, u fl-istess ħin, nagħmluhom aċċessibbli għal kulħadd, inklużi t-tfal”.
Kollox se jibda fit-22 ta’ April fis-18.00 bi spettaklu mill-Isbandieratori di Faenza fi Pjazza San Girgor u eżattament wara, fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina ssir preżentazzjoni tal-Proġett ta’ Restawr minn Wirt iż-Żejtun. Din tiġi fi tmiemha b’kunċert ta’ mużika sagra mill-Omnia String Quartet.
L-għada, 23 ta’ April, il-ġurnata tibda b’mixja mill-Imdina mix-XirCammini saż-Żejtun. Fiż-Żejtun, ħdejn il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina jibda spettaklu ieħor mill-Isbandieratori di Faenza li mbagħad jerġgħu jagħmlu l-istess fid-9.30am u fil-11am ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor.
Bosta bankarelli ser ikunu esebiti għall-pubbliku b’suġġetti relatati mal-wirt intanġibbli bħal platti tal-melħ, l-għażżiela u anke bizzilla.
Ser ikun hemm ukoll tours apposta għat-tfal mill-gwida professjonali Jeremy Grech biex it-tfal jitgħallmu wkoll l-istorja ta’ pajjiżna. Dawn ser jingħataw rigal għall-parteċipazzjoni tagħhom u se ssir ukoll kompetizzjoni bi premju relatat ma’ din l-okkażjoni.
Għall-ewwel darba, se ssir ukoll infjorata fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Girgor fejn il-pubbliku nnifsu jista’ jipparteċipa.
Ser ikun hemm ukoll attivitajiet għaddejjin fil-ġonna tal-madwar fosthom fi Ġnien il-Kmand u anke fi Ġnien l-Għannejja fejn il-pubbliku jista’ jammira l-falkunerija. Bla dubju, f’din il-festa mdorrijin nisimgħu l-għana Maltija li se tkun qed issir fl-akwata tal-Pjazza ta’ San Girgor u se jkun hemm ukoll preżentazzjoni tal-ftira Maltija.
Ir-Reġjun Nofsinhar li jaqa’ fi ħdanu kemm il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qegħdin jorganizzaw trasport b’xejn lir-residenti tal-lokalitajiet f’dan ir-reġjun proprju għal din il-ġurnata.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attendiet ukoll is-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius.