“L-interessi tar-residenti u kull min iżur lokalitajiet bħal Marsaskala għal ftit tal-mistrieħ qegħdin jiġu injorati kompletament meta kull ma jmur il-bankini qegħdin jittieħdu minn stabbilimenti tal-ikel u xorb. Dan qiegħed jikkawża diversi problemi għal-komunitajiet li jgħixu f’dawn il-lokalitaijiet.” Dan intqal minn Sandra Gauci, Deputat Chairperson tal-ADPD – The Green Party u Brian Decelis, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi u resident ta’ Marsaskala meta indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet fuq il-promenade tal-istess lokalità.
Brian Decelis qal li issa saret moda li stabbiliment l-ewwel jagħmel fattieh u wara jitlob għal permess mill-awtoritajiet rilevanti. F’Marsaskala kellna diversi eżempji f’dawn l-aħħar xhur fejn dan seħħ kif anke ġie irrappurtat mill-media. F’każ minnhom anke meta il-permess ma ngħatax l-istabbiliment konċernat baqa’ għaddej bl-attività tiegħu qisu xejn mhu xejn.
“L-ingumbrament tal-bankini bl-imwejjed u s-siġġijiet lejl u nhar jagħmilha diffiċli li tgħaddi minn hemm speċjalment għal dawk li għandhom xi problema ta’ mobbiltà u jridu jgħaddu b’wheelchair jew inkella fil-każ ta’ġenituri bi trabi f’pushchairs. Ir-residenti li joqgħodu viċin dawn l-istabbilimenti għandhom ukoll problema dejjem tikber ta’ storbju esaġerat li speċjalment fis-sajf jibqa’ għaddej sa tard bil-lejl li ħafna drabi ma jsir xejn biex dan jitwaqqaf mill-awtoritajiet konċernati. Ir-residenti ta’ lokalitajiet speċjalment madwar il-kosta li qegħdin isofru minn dan kollu żgur jixirqilhom li jgawdu l-paċi fi djarhom.”-ADPD
Sandra Gauci qalet li l-awtoritajiet differenti – ibda minn dik tat-turiżmu u kompli f’dik tal-ippjanar – jidher li jagħtu iktar każ lin-nies tal-flus qabel ir-residenti, meta suppost huwa propju bil-maqlub. Dan hu riżultat ta’ politika tal-Gvern fejn in-negozju jirrenja b’impunità.
Infrastruttura sigura u aċċessibli għan-nies hi kontinwament mogħtija l-ġemb kemm mill-Gvern kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi. L-ippjanar għall-użu tal-art għandu jkun l-ewwel u qabel kollox għan-nies.
“Il-politika tal-ippjanar dwar it-tqegħid ta’ imwejjed u siġġijiet fi spazji pubbliċi kienet imfassla minn kumitat inter-ministerjali li speċifikament kien eskluda l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-lokalitajiet tagħna. Għalhekk l-interessi tar-residenti kienu kompletament injorati. Irridu l-bankina lura.” Sostna ADPD.