Il-bejgħ taċ-ċittadinanza jkompli jagħmel ħsara lil pajjiżna

“Naqblu li fl-UE iċ-ċittadinanza hi materja riżervata għall-istati membri. Kull pajjiż għandu dan id-dritt. Dan hu rinfurzat bil-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-trattati Ewropej. Dan imma ma jirriflettix l-istorja kollha.
It-trattati tal-Unjoni Ewropeja ma’ jagħtuniex biss drittijiet. Hemm ukoll dmirijiet. Wieħed minnhom huwa dak magħruf bħala l-prinċipju ta’ lealtà li t-trattati Ewopej jirreferu għalih bħala obbligu ta’ kooperazzjoni (principle of sincere cooperation). Ma jagħmilx sens li kulħadd jimxi għal rasu, b’mod partikolari f’dawk l-oqsma fejn deċiżjoni fi stat tista’ toħloq drittijiet fi stati oħra fl-Unjoni Ewropea.
Il-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-passaporti, kif qed jagħmel il-Gvern Malti jmur kontra dan il-prinċipju ta’ lealtà. Nafu li l-passaport Malti jagħti dritt ta’ moviment, dritt ta’ residenza u dritt ta’ xogħol f’kull rokna tal-Unjoni Ewropeja. Hemm impatt konsiderevoli fuq l-istati l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk hemm l-obbligu tal-lealtà u l-kooperazzjoni.”  Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo meta indirizza konferenza stampa fil-Belt Valletta l-bieraħ filgħodu flimkien mad-Deputat Chairperson Mario Mallia.
Mario Mallia qal li il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, ħarġet fil-beraħ il-perikli tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. L-iskema kienet, u tibqa’, kalamita għal persuni involuti fl-evażjoni tat-taxxa, tal-ħasil tal-flus u tal-kriminalità organizzata. Filfatt numru minnhom inqabdu u isimhom ixxandar, iżda wara li kienu diġa xtraw iċ-ċittadinanza. Barra minn hekk, din l-iskema qed tintuża biex taġevola lill-ispekulaturi tal-art, u biex bini jitħalla vojt għax taparsi ‘residenza’ ta’ persuni li qajla jersqu lejn Malta. Dan apparti l-prinċipju bażiku li ċ-ċittadinanza u l-protezzjonijiet u l-privileġġi li din ġġib magħha m’għandhomx jingħataw fuq bażi ta’ kemm wieħed jiflaħ iħallas.
“Ta’ min isemmi li aħna l-uniku partit politiku f’Malta li mill-bidu u mingħajr logħob bil-kliem sa mill-2014 sħaqna li l-bejgħ taċ-ċittadinanza bi tpartit ma ħlas jew investimenti huwa inaċċettabbli. Malta baqgħet l-uniku Stat Membru li għadu jopera skema bħal din. Il-Gvern għadu jgħaddas rasu, minkejja li pajjiżi oħra jwaqqfu l-iskemi tagħhom. Dan wassal biex il-Ħamis li għadda il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ewropea tal-Ġustizzja – pass li minnu nnifsu jkompli jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna,” sostna Mallia.
Il-Perit Cacopardo qal li l-fatt li diversi persuni viċin kemm tal-Partit Laburista kif ukoll tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Prim Ministru attwali Robert Abela, gawdew mill-iskema tal-mistħija tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija jista’ jispjega għaliex il-Gvern għadu qed ikaxkar saqajh u ma waqafx iħammrilna wiċċna mad-dinja kollha.
” Minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern li l-bidliet ‘meħtieġa’ fl-iskema oriġinali tal-2014 daħlu fis-seħħ fl-2020, issa huwa ċar li t-traqqiegħ tal-pannu bil-qara’ aħmar huwa biss bżar fl-għajnejn. Irrispettivament minn kemm jinbidlu r-regoli dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, din tibqa’ mhux aċċettabbli fil-prinċipju. Kif jingħad fir-rapport tal-Parlament Ewropew iċ-ċittadinanza Ewropea mhix għall-bejgħ.
 Ta’ min ifakkar ukoll li qabel l-elezzjoni Bernard Grech u l-PN ma ħadux pożizzjoni ċara. Kien ġie emfasizzat mill-PN li l-flus jistgħu jkun utli kieku l-iskemi jkunu trasparenti. Dan ifisser li l-PN ukoll dispost li jbiegħ il-prinċipji għall-flus.
 L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza hija intrinsikament  ħażina, u għalhekk għandha tispiċċa minnufih. Membru Parlamentari ta’ ADPD – The Green Party fil-Parlament kien minnufih jippreżenta mozzjoni biex l-iskema tispiċċa. Bħalissa m’hemm ħadd fil-Parlament li kapaċi jippreżenta tali mozzjoni,” temm jgħid Cacopardo.