FKNK- Il-‘Bullying’ ta ’Malta mill-KE

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) innotat li l-Kummissjoni Ewropea (KE) bagħtet ittra ‘Formal Notice’ lil Malta talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ECJ) tad-19 ta’ Settembru 2024 (C-23/23) rigward l-applikazzjoni minn Malta ta’ deroga ġdida li ippermettiet l-insib tas-seba’ speċi tal-għasafar tal-għana għal skopijiet ta’ riċerka fil-ħarifa tal-2024. Malta issa fadlilha xahrejn biex tirrispondi. Fl-aħħar nett, il-KE heddet, li fin-nuqqas ta’ tweġiba sodisfaċenti, kienet se tirreferi lil Malta lura lill-ECJ u titlob li jiġu imposti multi.

Dan il-‘bullying’ ta’ Malta mill-KE mhu xejn ġdid.

Il-FKNK, kif dejjem għamlet, diġa’ sejħet ir-riżorsi esperti kollha tagħha fil-qasam u se toffri l-pariri kompetenti kollha tagħha, kemm tekniċi kif ukoll xjentifiċi, lill-Gvern Malti u lill-Ministru responsabbli, li hu kommess li jżomm it-tradizzjoni reġjonali soċjo – kulturali lokali tal-insib tal-għasafar tal-għana billi jassigura soluzzjonijiet sodisfaċenti kemm għall-KE kif ukoll għan-nassaba lokali.