Hemm bżonn urġenti li l-pornografija tiġi mblukkata milli tkun aċċessibbli għall-adolexxenti, minħabba l-effetti devastanti li qed ikollha fuq il-psikoloġija u l-imġiba tagħhom. Diversi esperti jisħqu li “m’hemmx pornografija mingħajr konsegwenzi”, kif iddikjara b’mod ċar il-psikologu u sessologu kliniku Alejandro Villena.
Villena jispjega kif il-konsum tal-pornografija fost iż-żgħażagħ qed jaffettwa l-mod kif jinteraġixxu soċjalment u kif jaraw ir-relazzjonijiet bejn is-sessi. Dan qed iwassal għal internalizzazzjoni ta’ rwoli ta’ ġeneru skorretti, fejn il-pjaċir sesswali jiġi marbut mal-vjolenza u mal-oġġettifikazzjoni tan-nisa.
Diversi esperti qed iwissu li din is-sitwazzjoni qed issir dejjem aktar allarmanti. Il-vizzju tal-pjaċir li toffri l-pornografija tqarraq b’moħħna, u l-adolexxenti huma speċjalment vulnerabbli għal dan il-fenomenu. L-esperti jgħidu li dawk li jibdew jaraw il-pornografija f’età żgħira ħafna jistgħu jiżviluppaw dipendenza, fejn il-vjolenza, l-oġġettifikazzjoni tas-sess u n-nuqqas ta’ empatija jsiru normalizzati. L-effetti ta’ dan il-fenomenu jidhru wkoll fi pjattaformi bħal OnlyFans, fejn is-sesswalità spiss tiġi ridotta għal kummerċ u profitt.
X’qed Tagħmel l-UE?
L-UE taf li l-aċċess tal-adolexxenti għall-pornografija online huwa problema serja li qed ikollha konsegwenzi devastanti fuq is-saħħa mentali u sesswali taż-żgħażagħ tagħna. Għalkemm l-Unjoni Ewropea (UE) tagħraf din il-problema u ħadet xi miżuri biex tillimita l-espożizzjoni tal-minuri għal dan il-kontenut, il-passi li ttieħdu s’issa mhumiex biżżejjed.
Il-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) timponi restrizzjonijiet fuq il-pjattaformi tal-vidjow biex jipproteġu lill-minuri, iżda dawn il-miżuri għadhom wisq laxki u faċilment jiġu evitati. Fl-istess ħin, l-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal titkellem dwar sigurtà online, iżda n-nuqqas ta’ infurzar b’saħħtu jfisser li t-tfal għadhom esposti għal pornografija b’sempliċi klikks.
Pajjiżi bħall-Franza u l-Gran Brittanja diġà qed jieħdu passi lejn verifika obbligatorja tal-età biex iżommu lill-minuri milli jaċċessaw siti pornografiċi. Għaliex l-UE għadha lura? Għaliex Malta għadha ma ħaditx passi f’dan ir-rigward? Għaliex qed inħallu korporazzjonijiet internazzjonali jiddettaw ir-regoli, meta huwa ċar li l-aċċess faċli tal-adolexxenti għall-pornografija qed iwassal għal effetti negattivi gravi, inkluża l-oġġettifikazzjoni tan-nisa u l-normalizzazzjoni tal-vjolenza sesswali—suġġetti li tant il-politiċi Maltin jgħidu li jridu jindirizzaw?
Wasal iż-żmien li l-UE tieħu azzjoni konkreta u kuraġġuża biex tagħlaq l-aċċess tal-minuri għall-pornografija online. Miżuri bħal verifika stretta tal-età, infurzar aktar b’saħħtu tar-regolamenti, u sanzjonijiet serji kontra pjattaformi li jonqsu milli jimxu mar-regoli huma essenzjali.
Il-protezzjoni tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkun prijorità, mhux għażla.
Fejn huma l-Awtoritajiet Maltin?
Wieħed jistaqsi: Għaliex l-awtoritajiet Maltin għadhom lura f’dan il-qasam? Għaliex l-UE qed tpoġġi l-interessi tal-industrija qabel il-benesseri ta’ wliedna?
Hemm min jgħid li l-industrija tal-pornografija għandha għeruq b’saħħithom u li anke l-mexxejja Ewropej huma influwenzati minnha. Jista’ jkun li l-lobbying ta’ dawn il-kumpaniji internazzjonali qed jimmanuvra d-deċiżjonijiet politiċi? Jew forsi l-pajjiżi Ewropej jibżgħu jieħdu passi drastici minħabba l-impatt ekonomiku u l-argumenti dwar il-libertà tal-espressjoni?
Dak li hu ċar hu li jekk il-politiċi verament jimpurtahom mill-ġid taż-żgħażagħ, għandhom jaġixxu issa. Il-pornografija għandha konsegwenzi serji fuq is-soċjetà tagħna, u l-protezzjoni tal-adolexxenti minn dan il-kontenut għandha tkun prijorità assoluta.