Fi stqarrija l- FKNK tgħid bħal fl-aħħar tliet staġuni tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) se tagħmel stħarriġ simili biex tiddetermina l-hekk imsejjaħ “sustainability index”, permezz ta’ liema, u kif seħħ qabel, ikun ippruvat li l-għasafar ikkaċċjati fir-rebbiegħa jifilhu tali teħid. L-istħarriġ ta’ din is-sena se jkun estiż biex jinkludi s-summien minbarra l-gamiem, filwaqt li n-nassaba li ħa jipparteċipaw fil-Proġett ta’ Riċerka tal-gamiem permez tal-insib tradizzjonali, se jkunu mistiedna wkoll biex jieħdu sehem fl-istħarriġ. Għal darb’oħra, s-surveys se jsiru fuq bażi volontarja mill-membri kaċċaturi u nassaba tal-FKNK.
Għaldaqstant l-FKNK tħeġġeġ il-membri tagħha biex jipparteċipaw billi jimlew il-formola mehmuża waqt l-istaġuni tal-kaċċa mħabbra mill-gvern fil-11 ta ’April 2025 u jirritornaw il-formoli lill-FKNK fi tmiem l-istaġuni. Dawn il-formoli jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta’ email [email protected] jew mill-uffiċċju tal-FKNK fl-Imsida.
FKNK tistqarr li l-membri suppost li s’issa indunaw li l-FKNK irnexxielha tinnegozja u tassigura l-istaġun tradizzjonali tal-kaċċa fir-rebbiegħa anke grazzi għar-riżultati ta’ stħarriġ u studji xjentifiċi bħal dawn li eventwalment ġew ippubblikati.
Fl-aħħarnett, l-FKNK ittenni l-appell tagħha għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-membri tagħha filwaqt li tawguralhom staġun tajjeb.