Il-Gvern Ġermaniż Jiġġieled il-Ħsieb Konspirattiv

Il-Gvern Ġermaniż nieda l-“Advice Compass on Conspiracy Thinking” (Beratungskompass Verschwörungsdenken), servizz ta’ konsulenza nazzjonali mmirat biex skont hu jgħin lil dawk affettwati minn narrattivi ta’ konspirazzjoni, diżinformazzjoni, u informazzjoni falza.

Din l-inizjattiva, appoġġjata mill-Ministeru Federali għall-Affarijiet tal-Familja u l-Ministeru tal-Intern, tipprovdi servizzi ta’ konsulenza kunfidenzjali, kemm online kif ukoll permezz tat-telefon, biex individwi li huma mħassba dwar ħbieb, membri tal-familja, jew kollegi influwenzati minn dawn l-ideoloġiji jirrikorru għall konsulenza.

Il-Ministru tal-Intern, Nancy Faeser, enfasizzat li membri tal-familja, ħbieb, u kollegi spiss huma l-ewwel li jinnotaw meta xi ħadd ikun influwenzat minn ħsieb ta’ konspirazzjoni. Hija rrimarkat li d-djalogu miftuħ spiss jidher impossibbli minħabba li l-persuna l-oħra mhix miftuħa għal argumenti. Faeser iddeskriviet l-uffiċċju ta’ konsulenza l-ġdid bħala “element importanti fil-ġlieda usa’ kontra l-estremiżmu u d-diżinformazzjoni.”

Din l-inizjattiva tal-gvern Ġermaniż saret biex jipproteġi l-valuri demokratiċi u jappoġġja individwi affettwati mit-tixrid ta’ teoriji ta’ konspirazzjoni.

Kienu bosta li qalu li dan mhux il-każ u ma hemm l’ebda ħaġa favur id-demokrazija, iżda saret biss biex tkompli trażżan il-ħsieb ta’ ċertu ndividwi li ma jimxux man-narrativa. Qalu wkoll din tista’ twassal għal aktar diviżjoni bejn familji u ħbieb li b’dan is-servizz jispiċċaw jispijjaw fuq il-ħsieb ta’ xulxin.