Il-gvern impenjat li jissaħħaħ is-servizz tal-Gozo Fast Ferry, b’iktar frekwenza skont il-ħtiġijiet tal-Għawdxin u l-Maltin

Il-gvern huwa determinat li jieħu l-passi meħtieġa biex is-servizz tal-fast ferry, li beda ftit iktar minn sena ilu, jissokta b’mod li jkun qed joffri l-aqwa servizz għall-ħtiġijiet tal-Għawdxin u l-Maltin, kif ukoll l-ekonomija ta’ Għawdex.
Dan is-servizz, li beda f’mumenti ta’ taqlib internazzjonali, qed joffri alternattiva oħra għall-ivvjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer – alternattiva li ġġib bosta vantaġġi fosthom inqas skariġġ għall-Għawdxin u inqas użu ta’ karozzi biex isiru l-vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer.
Minkejja dan, l-operaturi ta’ dan is-servizz iffaċċjaw diffikultajiet straordinarji kawża tal-effetti tal-isfidi internazzjonali. Kien għal dan il-għan li l-awtoritajiet daħlu għal taħdidiet mal-operaturi bil-għan li l-gvern jappoġġja s-servizz f’dan il-mument biex mhux biss jitkompla, iżda jissaħħaħ u jingħata b’mod iktar frekwenti.
Għal dan il-għan, il-gvern qed jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea biex jgħin b’kuntratt ta’ servizz pubbliku għas-sentejn li ġejjin.
Il-kuntratt ta’ servizz pubbliku propost għandu valur ta’ €12-il miljun fuq sentejn.
Min-naħa tagħhom, l-operaturi qed jikkommettu ruħhom li jekk ikun approvat dan il-kuntratt jipprovdu dan is-servizz meħtieġ skont il-bżonnijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, u hemm qbil ukoll li f’dan il-każ tinbeda skeda ġdida bil-prezzijiet maqbula li l-operaturi ma jistgħux jiċċaqalqu minnha.
Il-gvern qed jagħżel li jappoġġja finanzjarjament dan is-servizz għaliex huwa meqjus bħala ta’ benefiċċju għas-soċjetà u għall-ambjent u għax beda jopera fi żminijiet straordinarji ta’ pandemija u ta’ gwerra li ħallew impatt negattiv qawwi. Huwa għalhekk li l-għajnuna hija ffokata fuq is-sentejn li ġejjin.
Bħala parti mill-ftehim se tiddaħħal miżura oħra tal-manifest elettorali (numru 480) li permezz tagħha dawk il-pazjenti li jkunu qed jirċievu trattament mediku fl-Isptar Mater Dei jew fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jużaw is-servizz bla ħlas.
Dan is-servizz joffri wkoll numru ta’ benefiċċji ekonomiċi u ambjentali. Il-fatt li t-tluq tiegħu jinsab f’post ċentrali fil-Belt Valletta jħeġġeġ iktar lit-turisti biex iżuru Għawdex. Dan filwaqt li Maltin jew Għawdxin li jridu jaqsmu l-fliegu għal ftit sigħat biss jistgħu jagħmlu dan b’servizz aktar komdu u ċentrali.
Dan is-servizz qiegħed ukoll jinċentiva lill-klijent biex jagħmel użu mit-trasport pubbliku, li minn għada se jkun b’xejn għal kulħadd, jew mir-rota, hekk kif ma teżistix il-possibbiltà ta’ vjaġġar ta’ karozzi b’dan is-servizz.
Fuq kollox huwa ukoll konvenjenti għall-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta. Ta’ kuljum, numru kbir ta’ ħaddiema Għawdxin bħal infermiera u għalliema jagħmlu użu minn dan is-servizz biex jiġu għax-xogħol f’Malta, u permezz tiegħu jiffrankaw it-traġitt minn u lejn iċ-Ċirkewwa ta’ kuljum.
Il-gvern jemmen f’dan is-servizz li rċieva rispons tajjeb, tant li f’kumitat tal-Parlament qamet diskussjoni dwar il-ħtieġa li jkompli u jissaħħaħ.
L-għan hu li b’dan il-ftehim f’dan l-istadju titpoġġa l-bażi għal servizz li jkun sostenibbli u effiċjenti għal tul ta’ żmien.​