Il-Gvern ta’ Malta jsellem il-memorja tal-Eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici.
Karmenu Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ħidma tiegħu bi djalogu favur l-interessi tal-ħaddiema.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-telfa ta’ Karmenu Mifsud Bonnici hija telfa ta’ ġentlom li tul ħajtu ta kontribut enormi favur il-kawża tal-ħaddiem, bis-sehem tiegħu fil-politika, fit-trade unions u l-professjoni tiegħu.
Filwaqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja u l-qraba tal-eks Prim Ministru, huwa spjega kif dejjem ammira lil Dr Mifsud Bonnici għas-sens ta’ servizz li ried jagħti lejn iż-żgħir.
Dr Abela qal li daqskemm Karmenu Mifsud Bonnici ħabb lill-ħaddiem, ħabb ukoll lil pajjiżu u għalhekk jibqa’ ta’ eżempju għal ħafna.
B’sinjal lejn il-ħidma li wettaq tul is-snin fosthom bħala Prim Ministru ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela offra li jkun organizzat funeral statali lil Karmenu Mifsud Bonnici.
Filwaqt li l-familja ta’ Dr. Mifsud Bonnici apprezzat dan il-ġest, il-familja infurmat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li Dr Mifsud Bonnici kien esprima x-xewqa permezz ta’ ittra dikjaratorja li ma jsirlux dan it-tip ta’ funeral wara mewtu.
Il-Prim Ministru Robert Abela jirrispetta din ix-xewqa.
Il-Gvern se jibqa’ jikkomunika mal-familja Mifsud Bonnici u jgħin fl-organizzazzjoni ta’ funeral skont ix-xewqat tal-eks Prim Ministru ta’ Malta.