Il-Ħtieġa għal Miżuri Ekoloġiċi u Regolamenti Ġodda f’Malta għall-Ħarsien tal-Ambjent u s-Saħħa Pubblika

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet tal-UE se tiswa lix-xerrejja Maltin €7m sal-aħħar tas-sena.
Din il-liġi mhix inġusta; hija liġi li hija meħtieġa biex tassigura li l-vapuri jagħmlu t-titjib meħtieġ u wkoll jirrinovaw il-vapuri f’aktar vapuri li jniġġsu inqas l-ambjent.
L-Ewropa trid tara li t-teknoloġija tal-vapuri, kemm dawk tal-merkanzija kif ukoll tat-turiżmu, ikunu mħaddma b’enerġija ekoloġika u mhux bil-fjuwil li fl-aħħar mill-aħħar jagħmel ħsara lill-bnedmin u lis-saħħa tal-bniedem.
L-ewwel tiġi s-saħħa tal-bniedem, u mbagħad jiġi l-bqija. Jekk ma nkunux lesti li nagħmlu ftit sagrifiċċju, mhux se naslu qatt.
L-Ewropa għandha tieħu aktar miżuri u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha favur l-enerġija ħadra, mhux biss għat-tibdil fil-klima iżda wkoll għas-saħħa pubblika. Għandha wkoll tagħżel enerġija innovattiva u mhux bħall-ma qed tagħmel bħalissa fejn tiddaħħal l-użu tal-batterija li tniġġes xorta jew saħansitra agħar minn dak tal-fjuwil fossilu.
Hemm bżonn li anki Malta tieħu f’idejha ir-ridni u tieqaf fuq dawn il-kapitalisti skwaldi li iktar ma jmorru dejjem iridu iktar, u bla kuxjenza la lejn l-ambjent u anqas lejn il-bniedem iridu jħamġu kull fejn ikunu għall-ġid tal-but personali tagħhom biex huma jgawdu u l-poplu jbati l-konsegwenzi tal-ħmieġ tagħhom. Eżempju fil-qasam tal-kostruzzjoni u barrieri, tara dawn il-muntanji ta’ trab li bi ftit riħ jimlew trab il-madwar, irħula, u l-bliet.
Hemm bżonn ukoll ta’ inqas logħob tan-nar li qed jagħmel ħsara kbira kemm lill-ambjent, bidja, iħammeġ l-arja, u saħansitra jagħmel ħsara fl-ilma tal-pjan. Hemm bżonn ukoll li jitrażżan it-traffiku u jidħlu miżuri ġodda bħall-eżempju li ma nħallux il-karozzi ta’ ċilindrata ‘l fuq minn 1000cc jċirkolaw b’persuna waħda fuq bażi fejn din tkun imħaddma b’regolamentazzjoni alternattiva fi ġranet speċifiċi. B’hekk inkunu qed ninkoraġġixxu karozzi jew muturi żgħar għal persuni waħedhom u karozzi kbar jagħmlu aktar sharing.