Il-kaċċa għall-Gamiem fir-rebbiegħa hija illegali

BirdLife Malta llum fetħet kawża fil-Qorti biex tikkontesta d-deċiżjoni –meħuda mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Ambjent – li jinfetaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa f’April 2022, fuq il-Gamiema, li hija speċi Vulnerabbli. BirdLife Malta qed tikkontesta din id-deċiżjoni, u qed titlob lill-Qorti tiddikjara din il-prattika bħala illegali, bil-ħsieb li twaqqaf il-kaċċa għall-Gamiem fir-rebbiegħa darba għal dejjem.
Id-direttivi Ewropej huma l-ogħla livell ta’ leġiżlazzjoni għal kull Stat Membru tal-UE, u jieħdu post anke l-Kostituzzjoni nazzjonali. Bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi obbligata tadotta u tkun konformi mad-Direttivi kollha tal-UE, inkluż id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
Din id-Direttiva tgħid b’mod ċar li l-ebda għasafar ma jistgħu jiġu kkaċċjati matul ir-rebbiegħa, żmien meta l-għasafar ikunu qed ipassu lejn il-postijiet fejn ikunu se jbejtu. Filwaqt li tippermetti element ta’ derogazzjoni, dan isir taħt kontroll strett u huwa ċar li l-kaċċa għal speċi li għandhom status ta’
Vulnerabbli tikkostitwixxi ksur tad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
Wara r-referendum tal-2015, l-istatus tal-Gamiema kompla jiddgħajjef u l-ispeċi kienet iddikjarata mill-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) bħala Vulnerabbli. Dan, madanakollu, dakinhar ma kellu l-ebda effett fuq il-Gvern Malti, li xorta ppermetta lill-kaċċaturi li joqtlu l-Gamiem fir-rebbiegħa. Fil-fatt, meta Malta fetħet l-aħħar staġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa għall-Gamiema qabel il-moratorju impost mill-pajjiż stess fl-2016, il-Kumissjoni Ewropea kienet bdiet tħejji biex tibda azzjoni legalikontra Malta.
Dawn il-pjani tpoġġew fuq l-ixkaffa malli l-Gvern Malti b’mod mill-aktar brikkun ħoloq il-moratorju.
Aktar kmieni din is-sena, tul il-kampanja elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għall-Ambjent ta’ dak iż-żmien Aaron Farrugia t-tnejn li huma ħabbru u wiegħdu, aktar minn darba, li se terġa’ tkun tista’ ssir kaċċa għall-Gamiem fl-istaġuni
tar-rebbiegħa li kienu ġejjin. Wara l-elezzjoni, il-moratorju kien revokat u dan ħejja t-triq biex il-Gvern ikun jista’ jiftaħ għal darba oħra staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema.
F’dan ix-xenarju, għalkemm hemm indikazzjonijiet li l-Kumissjoni Ewropea qed tikkunsidra li tiftaħ Proċedura ta’ Ksur kontra Malta, BirdLife Malta tħoss li għandha obbligu li tiġġieled ukoll dawn l-illegalitajiet fil-Qrati nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Il-Qrati nazzjonali għandhom responsabbiltà li jħarsu l-valuri tad-Direttivi Ewropej. Ma jistgħux ifarfru din ir-responsabbiltà fuq il-Qrati tal-UE, speċjalment meta ċ-ċittadini tal-UE u s-soċjetà ċivili jitolbu dan. Il-Qrati ta’ Malta dejjem jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi bħala espert tal-qorti, ħalli tispjega għaliex staġun tal-kaċċa bħal dan waqt l-istaġun tal-bejta fuq speċi li huwa ppruvat b’mod xjentifiku li tgawdi status ta’ Vulnerabbli,
jikser id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.
L-ebda ammont żgħir ta’għasafar maqtula ma jista’ jiġġustifika din id-deroga, aħseb u ara kemm tista’ tkun ġustifikazzjoni deċiżjoni politika li għandha biss l-iskop li tikkuntenta lil dawk li jkunu wiegħdu l-vot tagħhom.”
BirdLife Malta qed tkun rappreżentata legalment u assistita mill-avukati Dr Mark Soler u Dr Claire Bonello.