Il-Kattoliku bniedem validu?

Għax il-Kattoliku prattikanti baqa’ pwerili jsabbat saqajh ma’ kull “avvanz” li tikkopja s-soċjetà.
Għax il-Kattoliku prattikanti baqa’ skjav tal-ħrejjef li ġie mitmugħ sa minn ċkunitu.
Għax il-Kattoliku prattikanti baqa’ mtarrax b’kor ta’ vuċijiet maħnuqa.
Il-Kattoliku bħal donnu eremita li hu sfurzat jgħix ħajja mdejqa bla xinxilli, u la għandu dritt igawdi l-ħajja, la għandu dritt ikollu ambizzjonijiet awdaċi, la għandu dritt jimmilita f’xi partit, la jista’ jsegwi l-aħbarijiet, la jista’ jxandar ħsibijietu fuq il-midja soċjali, la jista’ jitħarreġ fid-drama, la jkanta, la jdoqq strument u la xejn.
Kulma jista’ jagħmel il-Kattoliku hu li jinġabar fil-knejjes, jitlob, jiżżewweġ u jżomm ħsibijietu medjevali għalih, ħalli ma jmurx ikun qed jirfes il-kallu ta’ ħaddieħor, ma jmurx ikun ta’ xkiel għal ħaddieħor, ma jmurx ikun qed jolqot fil-laħam il-ħaj ta’ ħaddieħor.
L-ebda Kattoliku ma jista’ jazzarda jħares darbtejn fil-mera u jirranġa lbiesu qabel ma joħroġ.
L-ebda Kattoliku ma jista’ jirtokkja u jomxot xagħru.
L-ebda Kattoliku ma jista’ jiżżejjen u jinħasel bil-fwieħa.
Għax post il-Kattoliku hu biss fil-knisja. U fil-knisja, m’hemmx par għajnejn biex jaraw. M’hemmx par widnejn biex jisimgħu. Il-fwieħa tintilef fost l-irwejjaħ tqal tat-trogloditi fidili li jkun hemm.
Mal-Kattoliċi m’hemmx ċajt. U la briju, u la daħq, u lanqas mużika. Għax il-Kattoliku hu ddestinat li jgħix ħajja siekta u ħassieba, miġbura u rigoruża.
Għax il-Kattoliku hu l-aljen. Il-kumplament hu aċċettat bħala normali. U kulma hu normali hu, naturalment, tajjeb. U kulma hu tajjeb dejjem jikseb il-maġġoranza. Bħalma kisibha Adolf Hitler.
Hekk iridu jbellgħulna. Għax hekk iriduna nemmnu.
U aħna dgħajfa biżżejjed li nħalluhom iwaqqgħuna fin-nasba tagħhom.
Għax Malta saret monti tad-drittijiet. Kull xorta ta’ dritt issib, saħansitra ma’ wieħed jagħtuk ieħor b’xejn f’qasir żmien. U hekk jitpaxxa l-liberali revoluzzjonarju. L-aqwa li Malta pajjiż Kattoliku, b’eċċezzjoni li ngħawġu l-Kattoliċiżmu skont kif jidhrilna aħna. Għax għandna dritt. U hekk aħna komdi nagħmlu. Anki l-bieb tal-Ġenna se nwessgħu, bħalma qed inwessgħu t-toroq, ħalli t-traffiku jgħaddi b’aktar libertà, mingħalina. Niftaħru li ngħożżu kull speċi li għadha ‘qas rat id-dawl ta’ barra, bħall-bajd tal-fkieren, u nġibu l-għassiesa, u nqiegħdu l-barrikati, u jiġu tal-midja, u jitkellmu l-ambjentalisti, u jinżel dulluvju ta’ kummenti, u nħammru jdejna nċapċpu, u l-bqija. N.B. Dat-trattament speċjali ma jingħatax lill-ispeċi umana li għadha ma fetħitx għajnejha hekk kif il-folla tħabbat fuq sidirha u tgħajjat “sallbu, sallbu”. Però importanti li jingħata lill-klieb, qtates, għasafar u papri.
Din hija t-traġikummiedja ta’ poplu msejken li ħsiebu biss fil-kisba tad-drittijiet u l-kumdità.
Il-valuri Kattoliċi saru ġabra ta’ ilsna estinti; saru antikalja ta’ Pizzolu.

Miktuba minn Lara Michelle Camilleri