Il-Klijenteliżmu inevitabbilment iwassal għall-korruzzjoni

“Hemm bżonn li l-forzi tal-ordni jieqfu darba għal dejjem jittrattaw b’mod speċjali lill-membri tal-Kabinett u lil dawk ta’ madwarhom.” Dan intqal miċ-Chairperson ta’ ADPD -The Green Party Carmel Cacopardo waqt konferenza stampa quddiem il-Parlament dalgħodu huwa u jitkellem dwar ir-rabta bejn il-klijenteliżmu u l-korruzzjoni.
Brian Decelis, uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi ta’ ADPD – The Green Party qal li dak li ġara in konessjoni mal-każ tal-eżami għall-liċenzji tas-sewqan,żvelat fil-Qorti din il-ġimgħa, huwa ta’ tħassib kbir. Minn dak li ilna nisimgħu f’dawn l-aħħar snin tista’ tgħid li għal uħud qisu sar aċċettabbli li tqarraq f’kull qasam: qisu xejn mhu xejn. Dan jagħtik x’taħseb dwar min jaf x’qiegħed jiġri f’oqsma oħra fejn ilhom jittieħdu deċizjonijiet li ma tantx jagħmlu sens bħal ngħidu aħna deċiżjoniet dwar żvilupp.
“Huwa ta’ stmerrija kif politiċi ministri huma kkunsidrati allat li għandek tbaxxi rasek lejhom minflok ikunu huma li jagħtu l-eżempju bħala qaddejja tal-poplu. Huwa ta’ kundanna ukoll li biex jaqdu lil dawk li jidhrilhom għandhom jiġu aġevolati bla mistħoqq saħansitra lesti jpoġġu ħajjet in-nies fil-periklu bħal fil-każ tat-test tas-sewqan.”- tistqarr L-ADPD.
Carmel Cacopardo qal li dan huwa każ gravi ta’ klijenteliżmu u korruzzjoni li jidher li għandu għeruq mifruxin sew fost membri tal-kabinett kif ukoll fost uffiċjali għolja kemm fi ħdan il-ministeri kif ukoll f’partit politiku li s’issa ma issemmiex. Jidher li l-kawtela murija mill-pulizija li ma semmewx l-ismijiet ta’ dawn il-politiċi hija minħabba li dan jista’ jwassal għal terremot politiku li bħalu għadna qatt ma rajna.
“Skont informazzjoni mhux uffiċjali jidher li jista’ jkun hemm involuti diversi membri tal-kabinett kurrenti, kif ukoll oħrajn minn kabinett preċedenti. Instabu żewġ djarji b’informazzjoni dettaljata ta’ dawk li setgħu ibbenefikaw minn għajnuna mhux mistħoqqa li tassigura li dawn jgħaddu minn dawn it-testijiet tas-sewqan.
Dan kollu ma seħħx b’kumbinazzjoni. Kważi kull Ministeru għandu “customer care unit”. Lill-votanti dawn jittrattawhom ta’ klijenti li jeħtiegu jinqdew mill-politiku bi tpartit mal-vot. Din hi parti mill-kawża tal-korruzzjoni li qed isseħħ quddiem għajnejna u li preżentement hi manifestata f’dan l-iskandlu tal-liċenzji.
U biex tgħaxxaqha wieħed minn dawk akkużati b’din il-korruzzjoni qiegħed jiġi assistit mid-difiża legali tas-shadow minister tal-Intern fi ħdan il-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Huwa bla dubju nuqqas kbir ta’ etika li min jippretendi li ikun fuq quddiem fil-ġlieda politika kontra l-korruzzjoni fil-politika Maltija, imbagħad jiddefendi lil min qiegħed jiġi akkużat li huwa parti minn din l-istess korruzzjoni. Bla dubju ta’ xejn dan itellef mill-kredibbiltà tal-individwu konċernat u jagħmel ħsara kbira lis-serjetà fil-politika.” tgħid l-ADPD
Cacopardo saħaq li hemm bżonn li l-forzi tal-ordni jieqfu darba għal dejjem jittrattaw b’mod speċjali lil membri tal-kabinett u lil dawk ta’ madwarhom. Wasal iż-żmien li dawk il-persuni li jippreżentaw ruħhom bħala xempju ta’ korrettezza politika filwaqt li minn taħt kontinwament iħawdu mhux biss jissemmew imma immedjatament jittieħdu l-passi meħtieġa kontrihom.
Cacopardo żied jgħid li membri tal-parlament fuq bażi full-time biss jista’ jrendi din l-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna bħala waħda kredibbli u effettiva, miżura li ADPD ilha tisħaq fuqha għal ħafna snin. B’hekk biss jistgħu l-membri parlamentari jinqatgħu mill-irbit li l-professjoni u jew impjieg preċedenti tagħhom jista’ jħalli fuq l-impenn politiku tagħhom.