Waqt l-ewwel konferenza dwar il-kura paljattiva fil-pedjatrija f’Malta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se titnieda l-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija nazzjonali dwar il-kura paljattiva.
Chris Fearne sostna dwar kif minkejja li dan huwa suġġett skomdu biex tiddiskuti, l-istatistiċi juru li f’ Malta huma biss 12% tal-imwiet li jiġru fir-residenzi privati. Minn dawn hemm numru sostanzjali ta’ persuni b’mard terminali li jagħżlu li jibqgħu jgħixu f’darhom fl-aħħar ta’ ħajjithom, filwaqt li jirċievu l-kura paljattiva. Għaldaqstant, saħaq fuq l-importanza li titqanqal diskussjoni dwar il-kura paljattiva sabiex ikun assigurat li qed isir dak kollu possibbli biex dawn il-persuni jqattgħu l-aħħar perjodi ta’ ħajjithom bl-iżjed mod komdu filwaqt li l-familjari jsibu l-aqwa sostenn possibbli.
Id-deputat prim ministru elenka numru ta’ inizjattivi li ġew inklużi fl-istrateġija, fosthom il-home palliative care teams, li se jkunu timijiet multi dixxiplinarji li jsegwu lill-persuni li jirċievu l-kura paljattiva u lill-familjari tagħhom sabiex ikun hemm sors ta’ gwida kontinwa u serħan il-moħħ li l-kura preskritta mit-tobba kuranti tkun qed tittieħed sew fir-residenzi privati. Huwa spjega li se jiġu mħarrġa tobba tal-familja sabiex joffru dan it-tip ta’ sostenn.
Dwar il-kura paljattiva ta’ pazjenti żgħar fl-età, Chris Fearne spjega li minkejja li dan is-servizz huwa pjuttost ġdid, l-istrateġija tal-kura paljattiva se tħares ukoll lejn it-tranżizzjoni bejn il-kura pedjatrika u dik adulta sabiex tkun iffaċilitata kemm għall-addoloxxenti u kif ukoll għall-ġenituri tagħhom.
Id-deputat prim ministru rringrazzja lil kull min jaħdem f’ dan il-qasam, b’mod partikolari lill-organizzaturi tal-konferenza, li tat l-opportunità lill-professjonisti sabiex jisimgħu l-esperjenzi ta’ xulxin u ta’ tobba barranin, u kif ukoll tal-ġenituri li għaddew minn din l-esperjenza, sabiex is-servizz offrut lill-pazjenti Maltin u Għawdxin dejjem jitjieb.