Il-Kummisjoni Elettorali b’risposta għal- ittra ta’ Cassola

Cassola jircievi l-ittra bir-risposti mingħand il-kummisjoni elettorali

Il-Ġimgħa li għaddiet Profs.Cassola bagħat ittra ndirizzata lill-Kummisjoni elettorali fejn wera’ t-tħassib tiegħu rigward l-andament fis-sala tal-voti. ( ara l-artiklu)

Dalgħodu l-Kummisjoni Elettorali għamlet kuntatt sabiex twieġeb għal mistoqsijiet ta’ Cassola.

Is-Sur Camilleri wieġeb-

  1. “Dwar aktar komunikazzjoni mal-partiti ż-żgħar kif ukoll kandidati independenti ser nara kif ’il quddiem ikun hemm aktar laqgħat. Personalment meta ġejt mitlub għal laqgħa ma’ partit jew kandidat dejjem ltqajt u ddiskutejt.
  2. Fir-rigward tal-miżuri tal-Covid, il-Kummissjoni mill-ewwel tat indikazzjoni tal-metodu li ser jintuża fl-elezzjonijiet ġenerali.  Il-Kummissjoni ma setgħetx tkun aktar speċifika f’dan ir-rigward minħabba li s-sitwazzjoni kienet qed tinbidel minn jum għall-ieħor u għalhekk ċerti deċiżjonijiet kellhom jitħallew għall-aħħar biex jiġu deċiżi.”

Huwa żied li l-pandemija tefgħet sfidi kbar fuq l-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet.

Fir-rigward tal-konċessjonijiet irrisponda li l-Kummissjoni mxiet kemm ma’ Cassola kif ukoll mal-partiti ż-żgħar l-oħra b’mod proporzjonali u fejn kien hemm xi diffikultajiet dejjem gew diskussi m’mod li jintlaħaq kompromess.

“Kemm is-Segretarja tal-Kummissjoni kif ukoll l-istaff tiegħi ppruvaw jagħtuk l-aħjar servizz possibbli.  Fejn inqasna niskużaw ruħna.

Dwar il-problemi fis-sala tal-għadd tal-voti:

 

  1. Fir-rigward tal-wifi l-Kummissjoni ma kenitx qed tagħmel użu mill-wifi tagħha hemmhekk. Kien hemm wifi tal-partiti l-kbar iżda mhux tal-Kummissjoni.  Nifhem l-argument tiegħek u għal quddiem ser nara li jkun hemm is-servizz tal-wifi pubbliku.

 

  1. Skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali, l-Kummissjoni għandha obbligu li tgħaddi riżultat proviżorju lid-delegati tal-partiti (u mhux lil Partiti). Infurmat ukoll li fl-elezzjonijiet preċedenti kienet din il-prassi.  Meta tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni din is-sena, tlabt lill-Kummissjoni tikkunsidra li tgħaddi kopja tar-riżultat proviżjorju lill-Partiti ż-żgħar u indipendenti wkoll.  Il-Kummissjoni laqgħet din it-talba u għalhekk nemmen li f’din il-kwistjoni l-Kummissjoni mxiet bi prattiċità.
  2. Qed nieħu nota ta’ dan is-suġġeriment. Kif inhi s-sala tal-għadd tal-voti ma tantx tagħmilha faċli li tintroduċi dawn il-faċilitajiet.” kompla s-Sur Camilleri fl-ittra tiegħu.

 

Kompla billi assigura  li l-Kummissjoni ma timxix kif qed tigi indikata minn Cassola flimkien mal-partiti ż-żgħar qal li nuqqas ta’ qbil jista’ jkun hemm iżda żgur mhux b’xi mod li jkun hemm nuqqas ta’ tolleranza.

Ir-risposta dwar iż-żewġ inċidenti li kien involut fihom Profs.Cassola, is-Sur Camilleri kiteb

“Qabel nidħol fil-mertu, ma naqbel qatt li jkun hemm inċidenti u għalhekk żgur jiddispjaċini meta jkun hemm nuqqas ta’ qbil f’eżerċizzju daqshekk importanti.

1. F’dan il-każ ma kontx preżenti jien u ser inkun qed nitkellem man-nies tal-IDOX li nafhom bħala persuni professjonali ħafna f’xogħolhom. Tajjeb li ngħid li tal-IDOX ma humiex hemm biss għal scanning u tħaddim tal-kompjuters. Huma hemm għal ħafna aktar minn hekk peress li s-sistema tal-e-counting jinħtieġ li tkun il-ħin kollu monitorjata biex niżguraw li l-proċess ma jiqafx f’mument hekk importanti.

Minkejja dan kollu kif għidt qabel ma niħux pjaċir li jkun hemm xi battibekk.

2. F’dan it-tieni każ, ukoll kwistjoni li qamet wara li inti ġejt u ħadt karti li kienu dokumenti uffiċjali tal-Kummissjoni Elettorali, huwa wieħed li seta’ ġie evitat.

L-ewwelnett ma kellekx tieħu karti minn fuq l-imwejjed tal-Kummissjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. F’dak l-inċident jien ma kontx preżenti. Li kont preżenti kont inwaqqfek mill-ewwel.

Wara li għadda dan l-inċident ġejt kellimtni fl-aħħar ħinijiet tal-għadd tal-voti u f’dak il-mument inqala’ l-inċident mal-Kummissjonarju li qed issemmi. Il-Kummissjonarju kien urtat b’dak l-atteġġjament li semmejt qabel.

Dak il-ħin stess waqqaft id-diskussjoni. Niskuża ruħi jekk ħassejt nuqqas ta’ rispett f’dak il-ħin imma bl-istess mod naħseb li meta ġejt u ħadt il-karti tal-Kummissjoni minn fuq il-mejda inqast fil-konfront tal-Kummissjoni.

Nassigurak dejjem li nagħmel minn kollox biex tali sitwazzjonijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom u kemm jista’ jkun l-proċess waqt l-għadd tal-voti jkun wieħed kalm u b’rispett reċiproku.

Nagħlaq billi nirringrazzjak dejjem tas-suġġerimenti u nassigurak li l-Kummissjoni ser tkun qed tagħmel il-post mortem tagħha dwar il-proċess ta’ dawn l-elezzjonijiet ġenerali u ser inkun qed inressaq is-suġġerimenti u l-ilmenti tiegħek għal konsiderazzjoni.

Grazzi dejjem tal-impenn tiegħek fil-proċess elettorali u inwegħdek l-attenzjoni tal-Kummissjoni Elettorali.” temm l-ittra tiegħu is-Sur Joe Camilleri, Kummissjonarju Elettorali Prinċipali.

 

Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]