Il-Kummissjoni Ewropea ipproponiet operazzjoni ġdida ta’ biljun Ewro għall assistenza makrofinanzjarja (MFA) lill-Ukraina bħala l-ewwel parti tal-pakkett tal-MFA li jista’ jammonta sa 9 biljun Ewro hekk kif kien imħabbar fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 u approvata mill-Parlament Ewropew fit-23 u l-24 ta’ Ġunju.
Din il-proposta hija parti mill-impenn ta’ l-UE, flimkien mal-komunità internazzjonali, biex tgħin lill-Ukraina tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji immedjati tagħha wara l-aggressjoni mir-Russja. Din l-assistenza ser tikkumplimenta l-appoġġ pprovdut diġà mill-UE li jinkludi self ta’ emerġenza ta’ €1.2 biljun MFA mħallas fl-ewwel nofs tas-sena.
Il-baġit tal-UE se jkopri l-ispejjeż tal-imgħax fuq dan is-self. Bħas-self kollu tal-MFA preċedenti, il-Kummissjoni se tissellef fondi fuq swieq kapitali internazzjonali u tittrasferixxi l-qligħ bl-istess termini lill-Ukraina. Dan is-self lill-Ukrajna se jkun sostnut għal 70% tal-valur b’ammonti mwarrba mill-baġit tal-UE.
Hekk kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill japprovaw il-proposta u jiġu ffirmati l-Memorandum ta’ Ftehim u l-Ftehim ta’ Self korrispondenti mal-awtoritajiet Ukraini, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli malajr l-ammont ta’ €1 biljun għall-Ukraina.