Fi Brussell, waqt il-Kunsill tal-Ministri responsabbli mill-Agrikoltura u s-Sajd, ġew approvati l-konklużjonijiet dwar l-akkwakultura, fejn il-Ministru għall-Agrikolatura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo spjega li l-Gvern Malti għadu kemm adotta l-pjan nazzjonali għas-snin li ġejjin.
Waqt il-Kunsill ġew diskussi wkoll is-sitwazzjoni li qed tkompli tiżviluppa madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mas-swieq agrikoli; il-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed ikomplu jiżdiedu; il-provvista tal-ikel globali – li jekk tkompli tonqos se tikkawża iktar instabilità f’pajjiżi Afrikani u fil-Lvant Nofsani, b’riperkussjonijiet kbar għall-kontinent Ewropew; kif ukoll li t-temp niexef u sħun fl-Ewropa qed ipoġġi pressjoni sinifikanti fuq għelieqi li jinħartu.
Ġie diskuss ukoll id-dokument ippreżentat mill-Kummissjoni dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi. Il-Ministru Anton Refalo, flimkien ma’ diversi ministri oħra Ewropej, esprima t-tħassib tiegħu dwar din il-proposta u saħaq li tali proposta trid tkun imfassla b’mod li ma tkunx ta’ żvantaġġ għax-xogħol tal-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Intant, il-Ministru Anton Refalo ħa l-okkażjoni sabiex jitkellem mal-Kummissarju Ewropew Virginijus Sinkevicius, hekk kif il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ ksur li fetħet kontra pajjiżna fuq il-kontroll tal-industrija tat-tonn. Il-Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol siewi li sar mill-awtoritajiet Maltin u tal-Kummissjoni sabiex wasalna għal dan ir-riżultat pożittiv għal pajjiżna.