Il-Ministru Byron Camilleri jattendi għas-summit MED5 f’Ċipru

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri attenda għas-summit tal-MED5 f’Ċipru li għaliha kien hemm preżenti wkoll il-ministri responsabbli mill-intern u l-immigrazzjoni ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Italja u Spanja. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq il-progress tan-negozjati tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea.
Il-ministri rringrazzjaw lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li ġie maqbul fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern f’Ġunju li għadda. Huma saħqu li minkejja l-appoġġ ta’ numru ta’ stati membri, l-impenn li ntwera sa issa għadu ma jirriflettix in-numri ta’ wasliet irregolari fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Camilleri saħaq li filwaqt li r-rilokazzjoni hija kruċjali, din għandha tikkumplimenta l-isforzi tal-Unjoni Ewropea fuq id-dimensjoni esterna. Huwa kien qed jirreferi għall-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi fuq il-prevenzjoni tal-wasliet, il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u r-ritorn ta’ persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni.
Huwa qal li “Azzjoni immedjata, li tappoġġja l-isforzi ta’ pajjiżi ta’ tranżitu sabiex jiġġieldu organizzazzjonijiet kriminali li jorganizzaw dawn il-vjaġġi, twassal għal numru anqas ta’ nies li jipperikolaw jew jitilfu ħajjithom fuq il-baħar. Hemm soluzzjonijiet – u dawn iridu jiġu mfassla u implimentati flimkien ma’ dawn il-pajjiżi terzi.”
Huwa rrefera għall-istrateġija li adotta pajjiżna f’dan il-qasam ibbażata fuq il-prevenzjoni tal-wasliet irregolari, il-qsim tar-responsabbiltà permezz tar-rilokazzjoni, u r-ritorn ta’ immigranti li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni. “Jekk pajjiż waħdu jista’ jagħmel daqstant differenza, kemm aktar nistgħu nibdlu din is-sitwazzjoni b’aktar rieda u riżorsi mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea”, saħaq il-Ministru Camilleri.
Il-ministri ta’ Malta, Ċipru, il-Greċja u Spanja ffirmaw dikjarazzjoni konġunta b’antiċipazzjoni għal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern li ser isir fl-14 ta’ Ottubru li ġej.