Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli uffiċjalment nediet l-aġenzija Project Green, li se twettaq il-wegħda elettorali tal-gvern fejn b’investiment ta’ €700 miljun f’seba’ snin, kulħadd ikun jista’ jgawdi minn spazji ħodor miftuħa, qrib fejn jgħixu.
Din l-aġenzija se titmexxa minn Steve Ellul, fl-irwol ta’ kap eżekuttiv.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli sostniet li l-konsultazzjoni mal-komunità ser tkun fil-qalba ta’ din l-aġenzija, hekk kif qed taħdem mill-qrib ma’ dawk kollha konċernati, speċjalment ir-residenti u l-kunsilli lokali. Enfasizzat li dawn il-proġetti se jkunu ppjanati id f’id man-nies u jitwettqu fl-aħjar interess tagħhom.
Bi proġetti li jvarjaw minn spazji ħodor kbar għalspazji miftuħa fil-komunità, għal afforestazzjoni, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet, Project Green se tiffoka fuq il-kollaborazzjoni biex twettaq proġetti ta’ kwalità u tiżgura s-sostenibbiltà tagħhom. L-aġenzija ser taħdem f’kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn sabiex timmassimizza r-riżorsi u taċċerta l-kontinwità.
“Project Green ġiet fdata biex issarraf dan l-investiment ambjentali bla preċedent fi spazji ħodor ta’ kwalità. Hekk kif urejna f’dawn l-aħħar xhur, irridu noħolqu spazji miftuħa li huma awtosuffiċjenti, sostenibbli u aċċessibbli,” qalet il-Ministru Dalli.
“Se nenfasizzaw il-kwalità, mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ materjali u metodi li nużaw, iżda anke kwalità fl-ippjanar u kwalità fil-funzjonalità tal-ġonna, parks u spazji miftuħa oħra li se noħolqu, sabiex verament nagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies”. Il-ministru żiedet tgħid li dawn l-ispazji jeħtieġ li jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-pubbliku.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, qal li din l-aġenzija se taħdem b’mod esklussiv biex tagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji. “Se ninsistu b’mod partikolari fuq iċ-ċentri tal-lokalitajiet biex niżviluppaw pulmuni ta’ arja nadifa f’żoni urbani,” qal is-Sur Ellul.
Spjega li l-aġenzija se taħdem biex tagħmel l-ispazji ħodor eżistenti aktar aċċessibbli filwaqt li toħloq ħafna oħrajn ġodda, għal arja aktar nadifa, inqas tniġġis ta’ storbju u pajsaġġi isbaħ f’kull lokalità.
“Fit-tnax-il xahar li ġejjin, Project Green se tħawwel ukoll madwar 7500 siġra u arbuxell, li se jkunu finanzjati minn inizjattivi volontarji mis-settur privat Malti. Flimkien, dawn se jiksu bis-siġar medda ta’ art akbar minn disa’ grawnds tal-futbol,” temm jgħid is-Sur Ellul.
Aktar tagħrif dwar il-ħidma ta’ Project Green tingħata fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar informazzjoni, żur www.project.green jew segwi l-aġenzija fuq Facebook u Instagram.