Il-Ministru Ian Borg – “Irridu niżguraw il-protezzjoni, rispett u garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem”

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ: Il-Ministru Ian Borg – “Irridu niżguraw il-protezzjoni, rispett u garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem”
“Aktar minn qatt qabel, f’dan iż-żmien bla preċedent li qed ngħixu bħalissa rridu niżguraw li l-popli tagħna jkollhom il-protezzjoni, ir-rispett u garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif imniżżel fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.” Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza l-132 sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa f’Turin fl-Italja.
Fid-dawl ta’ dan, il-Ministru Ian Borg enfasizza li aktar minn qatt qabel hemm bżonn ta’ kooperazzjoni b’saħħitha sabiex naraw li s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikunu implimentati u esegwiti.
Il-Ministru Borg saħaq illi għal darb’oħra ntwera, b’mod speċjali matul dawn l-aħħar ftit xhur, kif il-Kunsill tal-Ewropa għad għandu relevanza importanti ħafna fejn tidħol is-sigurta Ewropea. Il-ħarsien tal-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-iffaċilitar tal-progress ekonomiku u soċjali li fuqhom huwa msejjes dan il-Kunsill reġgħu huma katalisti f’dan iż-żmien li qed ngħixu. Għal darb’oħra, filwaqt illi esprima s-solidarjetà sħiħa ta’ Malta mal-Ukrajna, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti kompla jippromwovi l-ideal tal-paċi sabiex jirrenja bejn ir-Russja u l-Ukrajna, u sostna li dan huwa l-uniku mod li nistgħu naraw din il-gwerra ttemm darba għal dejjem.
Dr Borg faħħar it-tmexxija tal-Presidenza Taljana matul l-aħħar sitt xhur u awgura lill-Irlanda li issa tkun qed tieħu t-tmexxija għas-sitt xhur li ġejjin. Jakkumpanja l-Ministru Ian Borg kien hemm ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa, is-Sur Lorenzo Vella.
Il-Ministru Borg iltaqa’ wkoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Marija Pejčinović Burić, fejn esprima l-impenn qawwi ta’ Malta biex tkompli ssostni u tippromwovi l-valuri ta’ din l-organizzazzjoni politika Ewropea.