Il-Ministru Owen Bonnici jattendi għall-Konferenza Dinjija tal-UNESCO

Malta hija konxja tal-importanza ġeo-politika tagħha fil-Mediterran u tinsab determinata biex tagħti kontribuzzjoni b’saħħitha fil-kamp kulturali li jkompli jsaħħaħ dan ir-reġjun.  L-arti u l-kultura hija forza b’saħħitha li ġġib il-ġnus flimkien, tiġġieled l-esklużjoni, u tmexxi ‘l quddiem is-soċjetajiet fil-mixja lejn futur aħjar u iktar sostenibbli.
Dan qalu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici waqt li kien qiegħed jipparteċipa fil-Konferenza Dinjija tal-UNESCO dwar il-Politika Kulturali u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-UNESCO – MONDIACULT 2022 fil-Belt tal-Messiku.
Din il-konferenza qed isseħħ 40 sena wara l-Konferenza storika MondiaCult tal-1982 u 24 sena wara l-Konferenza ta’ Stokkolma tal-1998 – it-tnejn imsejħa mill-UNESCO – u għandha l-għan biex jiġi diskuss il-futur tal-politika kulturali u sabiex id-diversi pajjiżi tad-dinja jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-komunità internazzjonali quddiem l-isfidi kontemporanji, urġenti u kumplessi fis-soċjetajiet multikulturali tagħna.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Bonnici sostna li l-karatteristiċi kulturali u kreattivi ta’ Malta żviluppaw matul is-sekli u jiffurmaw parti intrinsika minn ħafna aspetti tas-soċjetà Maltija, bħal-lingwa, l-arti u l-istorja tagħna. Saħaq kif dan l-iżvilupp għadu għaddej sal-ġurnata tal-lum, grazzi għall-ħidma kontinwa  lejn it-tisħiħ tal-kultura u l-arti.
Huwa qal li f’din il-ħidma huwa importanti li l-artisti jinżammu fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu u elenka numru ta’ inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern Malti fl-aħħar snin fejn jidħlu mekkaniżmi ta’ finanzjament biex il-professjonisti fis-settur kulturali u kreattiv ikunu jistgħu jwettqu iktar proġetti. Semma wkoll il-politika kulturali l-ġdida li tħares lejn il-kultura u l-arti bħala mixja li twassal għall-ħolqien ta’ sinerġiji fuq diversi livelli.
“Il-kontribut tagħna fis-setturi kulturali u kreattivi, qed jikber b’pass kostanti. Konna hemm għall-artisti fiż-żmien tal-pandemija u issa li komplejna mexjin ‘il quddiem saħħaħna l-mekkaniżmi ta’ finanzjament, inżilna fil-komunitajiet, investejna fil-kollaborazzjonijiet, u tejjibna r-relazzjonijiet kulturali internazzjonali”, qal il-Ministru Bonnici.
Il-ministru temm jgħid li Malta determinata biex mhux biss tipprovdi kontribut sod għall-ekoloġija kulturali tal-Ewropa, iżda toħloq ukoll rabtiet kulturali vijabbli fir-Reġjun Mediterranju.​​