Il-MPE appoġġjaw il-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar l-estensjoni tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

Il-MPE appoġġjaw il-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar l-estensjoni tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) b’542 vot favur, 43 kontra u 9 astensjonijiet. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida timmira li ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tipprevjeni, tħejji għal tifqigħat ta’ mard li jittieħed u timmaniġġjahom.
L-ECDC se jikkoopera mal-Kummissjoni Ewropea, mal-awtoritajiet nazzjonali, ma’ korpi tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jiżgura li l-attivitajiet rispettivi tagħhom ikunu konsistenti u jikkomplementaw lil xulxin. Sabiex joħloq data f’waqtha u kumparabbli, iċ-Ċentru se jikkoordina l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri tal-ġbir tad-data, il-validazzjoni tad-data, l-analiżi u t-tixrid tad-data fil-livell tal-UE.
Barra minn hekk, l-ECDC se jimmonitorja mill-qrib il-kapaċità tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa li jaqbdu, jipprevjenu, jirrispondu għal tifqigħat ta’ mard li jittieħed u li jirkupraw minnhom. Se jidentifika wkoll lakuni u jipprovdi rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza.
B’544 vot favur, 50 kontra u 10 astensjonijiet, il-Parlament adotta wkoll il-ftehim dwar serje ta’ miżuri li se jippermettu lill-UE tantiċipa u tirreaġixxi aħjar għal theddidiet transfruntiera serji għas-saħħa.
Ir-regoli l-ġodda jinkludu prevenzjoni, tħejjija u ppjanar aħjar tar-rispons fil-livelli nazzjonali u tal-UE. Il-Kummissjoni se tkun tista’ tagħraf formalment emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-UE, li jwassal għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha fl-UE u jippermetti għall-iżvilupp u l-kumulazzjoni f’waqthom ta’ riżerva ta’ kontromiżuri mediċi.
Il-leġiżlazzjoni tikkjarifika wkoll il-proċeduri għall-akkwist konġunt ta’ mediċini u apparat mediku, inkluża l-possibbiltà li jkunu limitati attivitajiet paralleli ta’ akkwist u negozjati mill-pajjiżi parteċipi, fil-każ ta’ prodotti mixtrija b’mod konġunt fil-livell tal-UE.
Ir-Rapporteur Joanna Kopcińska (Grupp ECR, PL) qalet: “L-ECDC se jipprovdi rakkomandazzjonijiet biex tissaħħaħ il-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa u se jkollu rwol fl-iżvilupp tal-indikaturi tas-saħħa li se jgħinu fl-immaniġġjar u fir-rispons għal theddidiet ta’ mard trażmissibbli u kwistjonijiet relatati tas-saħħa pubblika. Iċ-Ċentru se jkun mgħammar aħjar sabiex jipprovdi għarfien espert xjentifiku robust u indipendenti u jappoġġja azzjonijiet għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal theddidiet transfruntiera għas-saħħa.”
Ir-Rapporteur Véronique Trillet-Lenoir (Grupp Renew, FR) qalet: “Din il-leġiżlazzjoni tirrispondi b’mod ċar għall-74% taċ-ċittadini Ewropej li jridu involviment Ewropew akbar fl-immaniġġjar tal-kriżijiet. L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa qed tinbena pass pass. Se nkomplu dan il-proġett fil-kuntest ta’ diskussjonijiet dwar konvenzjoni futura dwar ir-reviżjoni tat-trattati Ewropej.”
Wara l-votazzjonijiet finali fil-plenarja, it-testi issa jridu jiġu appoġġjati formalment mill-Kunsill ukoll qabel ma jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE ftit wara.
Bħala parti mill-proċess biex tinbena Unjoni Ewropea tas-Saħħa, il-Kummissjoni pproponiet qafas ġdid ta’ sigurtà tas-saħħa fil-11 ta’ Novembru 2020, ibbażat fuq l-esperjenza tal-COVID-19. Il-pakkett jinkludi tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni: rwol aktar b’saħħtu għall-Aġenzija Ewropea tal-Mediċinil-estensjoni tal-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u proposta għal regolament dwar theddidiet transfruntiera serji għas-saħħa.