Il-MPE jivvutaw biex jinkludu l-miżuri tal-enerġija fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru

Il-MPE qablu dwar l-inklużjoni tal-miżuri REPowerEU fil-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru biex tiġi appoġġjata l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika.

Skont it-test adottat fil-plenarja l-Ħamis b’471 vot favur 90 kontra u 53 astensjoni, il-pajjiżi tal-UE li jippreżentaw pjan emendat għall-irkupru u r-reżiljenza wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-proposta se jkunu meħtieġa jinkludu miżuri biex jiffrankaw l-enerġija, jipproduċu enerġija nadifa u jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija, kif previst fil-pjan REPowerEU tal-UE.

Il-MPE emendaw il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni biex jiġu mmirati aħjar il-miżuri stabbiliti fil-kapitoli tar-REPowerEU biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet tal-enerġija fl-UE. Ir-regoli l-ġodda se jkopru miżuri li jibdew mill-1 ta’ Frar 2022 ’il quddiem.
Huma qablu li l-prinċipju ta’ “tagħmilx ħsara sinifikanti” jenħtieġ li japplika għall-kapitoli REPowerEU, sakemm ma jiġux sodisfati ċerti kundizzjonijiet u biss fir-rigward ta’ miżuri operattivi sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Il-miżuri inklużi fil-kapitoli RePowerEU għandhom jagħtu prijorità lill-investimenti biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku għall-familji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi vulnerabbli.