|
Il-Parlament jappella lill-pajjiżi kollha jżidu l-miri klimatiċi tagħhom għall-2030 qabel il-COP27, biex jillimitaw it-tisħin globali f’konformità mal-ftehim ta’ Pariġi. |
Nhar il-Ħamis, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tiddeskrivi t-talbiet tiegħu għall-Konferenza tan-NU COP27 dwar it-Tibdil fil-Klima, li se ssir fl-Eġittu mis-6 sat-18 ta’ Novembru. L-MPE jqisu li l-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità huma fost l-aktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-umanità. Huma mħassba dwar is-sejbiet tar-rapport tal-2021 tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent dwar id-diskrepanza fl-emissjonijiet, li jgħid li anke jekk jiġu implimentati l-aktar miri klimatiċi nazzjonali ambizzjużi għall-2030, id-dinja tinsab fit-triq lejn żieda fit-temperatura ta’ 2.7°C, ferm ogħla mill-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi li t-tisħin globali jiġi limitat għal ferm inqas minn 2°C u li jiġi segwit l-għan ta’ 1.5°C.
Ir-riżoluzzjoni tgħid li l-gwerra Russa kontra l-Ukrajna, u l-konsegwenzi tagħha, tagħmel it-trasformazzjoni tas-sistema globali tal-enerġija aktar urġenti. Huma jwissu li għandha tittieħed azzjoni urġenti f’dan id-deċennju, anke peress li ħafna wegħdiet fit-tul ta’ emissjonijiet netti żero huma ambigwi u nieqsa mit-trasparenza.
Il-G20 u l-UE jridu jżidu l-miri klimatiċi tagħhom għall-2030
Il-MPE jenfasizzaw li l-UE se tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’aktar minn 55 % jekk tadotta l-pożizzjonijiet tal-Parlament dwar il-pakkett “Lesti għall-55 fl-2030” tal-UE u l-Pjan RePowerEU. Il-MPE jappellaw lill-UE u lin-nazzjonijiet kollha tal-G20 biex juru sens ta’ tmexxija u jimpenjaw ruħhom għal miri aktar ambizzjużi ta’ tnaqqis qabel il-COP27. L-UE u l-pajjiżi l-oħra għandhom ukoll jaġġornaw il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) tagħhom kif xieraq.
Finanzjament għall-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw
Ir-riżoluzzjoni tfakkar li l-UE hija l-akbar kontributur finanzjarju għall-klima u tħeġġeġ lill-pajjiżi żviluppati biex jiżguraw li jintlaħaq l-għan annwali ta’ finanzjament għall-klima ta’ USD 100 biljun li wiegħdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-flus diġà jinħarġu fl-2022, u li bejn l-2020 u l-2025 jintefqu USD 100 biljun bħala medja kull sena. Il-MPE jenfasizzaw ukoll il-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) li l-UE jeħtieġ li tipprovdi appoġġ finanzjarju, tal-anqas ekwivalenti fil-valur finanzjarju għad-dħul iġġenerat mill-bejgħ taċ-ċertifikati CBAM, biex tappoġġja l-isforzi tal-pajjiżi l-anqas żviluppati ħalli jiddekarbonizzaw l-ekonomiji tagħhom.
Il-Parlament jilqa’ l-ħolqien tad-Djalogu ta’ Glasgow dwar it-Telf u l-Ħsara, li għandu jiffoka fuq il-finanzjament tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li jipprijoritizza b’mod ċar l-għotjiet fuq is-self, biex jiġu evitati, minimizzati u indirizzati t-telf u l-ħsara assoċjati mal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima.
Ir- riżoluzzjoni ġiet adottata b’turija taql-idejn.
Kuntest
Delegazzjoni mill-Parlament se tattendi l-COP27 mill-14 sat-18 ta’ Novembru.
Il-Parlament huwa koleġiżlatur dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija u l-klima ħalli jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Parlament irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel ma l-UE tkun tista’ tidħol fi ftehimiet internazzjonali.
Il-Parlament qed jagħmel pressjoni biex titfassal leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima u l-bijodiversità aktar ambizzjuża u ddikjara emerġenza klimatika fit-28 ta’ Novembru 2019. F’Ġunju 2021, il-Parlament adotta l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tittrasforma l-impenn politiku tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 f’obbligu vinkolanti għall-UE u l-Istati Membri. Il-Parlament bħalissa qed jinnegozja mal-Istati Membri dwar il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55% fl-2030” sabiex l-UE tkun tista’ tilħaq l-aktar mira ambizzjuża għall-2030. |