Illum l-Erbgħa, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw biex is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tal-UE jiżdied għal 45% sal-2030, skont ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) — mira appoġġjata wkoll mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-pakkett tagħha “RepowerEU”.Il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi wkoll il-miri sekondarji għal setturi bħat-trasport, il-bini, u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali. Fis-settur tat-trasport, l-użu ta’ sorsi rinnovabbli għandu jwassal għal tnaqqis ta’ 16% fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, permezz tal-użu ta’ sehem ogħla ta’ bijokarburanti avvanzati u kwota aktar ambizzjuża għal karburanti rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika, bħall-idroġenu. L-industrija għandha żżid l-użu tagħha tal-enerġija rinnovabbli b’1.9 punti perċentwali fis-sena, u n-networks tat-tisħin distrettwali bi 2.3 punti perċentwali.Kull Stat Membru ser ikollu jiżviluppa żewġ proġetti transkonfinali għall-espansjoni tal-elettriku ekoloġiku. L-istati membri b’konsum annwali tal-elettriku ta’ aktar minn 100 TWh ser ikollhom jiżviluppaw it-tielet proġett sal-2030.Il-MPE adottaw ukoll emendi li jappellaw għat-tnaqqis gradwali tas-sehem tal-injam primarju meqjus bħala enerġija rinnovabbli.It-test tal-leġiżlazzjoni ġie adottat b’418-il vot favur, 109 kontra u 111-il astensjoni.Iffrankar tal-enerġijaF’votazzjoni separata llum l-Erbgħa wkoll, il-MPE appoġġjaw ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (EED), il-liġi li tistabbilixxi miri għall-iffrankar tal-enerġija kemm fil-konsum tal-enerġija primarja kif ukoll f’dak finali fl-UE.Il-MPE żiedu l-mira tal-UE għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija finali u primarja, sabiex l-Istati Membri kollettivament jiżguraw li l-konsum finali tal-enerġija jitnaqqas b’mill-inqas 40% sal-2030 u bi 42.5% fil-konsum tal-enerġija primarja meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2007. Dan jikkorrispondi għal 740 u 960 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ żejt (Mtoe) għall-konsum tal-enerġija finali u primarja, rispettivament. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kontribuzzjonijiet nazzjonali vinkolanti biex jintlaħqu dawn il-miri.Il-miri se jintlaħqu permezz ta’ miżuri fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, f’setturi differenti — pereżempju l-amministrazzjoni pubblika, il-bini, in-negozji, u ċ-ċentri tad-data.It-test tal-leġiżlazzjoni ġie adottat b’469 vot favur, 93 kontra u 82 astensjoni.Kwotazzjonijiet“Huwa permezz tal-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli biss li ser ikollna indipendenza vera”, qal Markus Pieper (PPE, DE), li hu l-MPE ewlieni dwar id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli. “Aħna nappoġġjaw bis-sħiħ il-mira miżjuda għall-2030 ta’ 45%. Nikkonfermaw il-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni transkonfinali għall-espansjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, u nappellaw għal strateġija ta’ importazzjoni diversifikata għall-idroġenu. Żidna wkoll ir-rekwiżiti għas-sostenibbiltà tal-bijomassa u l-karburanti, u wrejna modi kif il-materjali bijoġeniċi jistgħu jagħtu kontribut ekonomiku reali għat-tranżizzjoni tal-enerġija.”Niels Fuglsang (S&D, DK), ir-relatur dwar id-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika, qal: “ Ninsabu fi kriżi fejn Putin qed jagħlaq il-gass. Waħda mit-tweġibiet l-aktar effettivi tagħna għal dan hija l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Illum, huwa kruċjali li l-Parlament ivvota favur miri ambizzjużi u vinkolanti għall-effiċjenza enerġetika għall-UE u għall-Istati Membri individwali.”Il-passi li jmissIl-MPE u l-Presidenza Ċeka tal-Kunsill issa se jidħlu f’negozjati dwar il-files, li dwarhom il-Ministri tal-UE stabbilixxew il-pożizzjoni tagħhom f’Ġunju.Tagħrif ta’ sfondFl-14 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55%”, li jadatta l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-klima u l-enerġija biex jintlaħaq l-objettiv il-ġdid tal-UE ta’ tnaqqis minimu ta’ 55% fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) sal-2030. Element wieħed tal-pakkett huwa r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED II), li se tgħin lill-UE tilħaq il-mira l-ġdida ta’ 55% tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Skont l-RED II attwalment fis-seħħ, l-UE hija obbligata tiżgura li mill-inqas 32% tal-konsum tal-enerġija tagħha jiġi minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sal-2030.Il-pakkett “Lesti għall-Mira ta’ 55%” jinkludi wkoll ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED), li tallinea d-dispożizzjonijiet tagħha mal-mira l-ġdida ta’ 55% tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-EED bħalissa tistabbilixxi l-livell ta’ ffrankar tal-enerġija li l-UE teħtieġ li tagħmel biex tilħaq l-għan miftiehem ta’ titjib ta’ 32.5% fl-effiċjenza enerġetika sal-2030. |