Il-Parlament Ewropew japprova pjanijiet għar-riforniment ta’ riżervi tal-gass qabel ix-xitwa

Il-Parlament japprova pjanijiet għar-riforniment ta’ riżervi tal-gass qabel ix-xitwa.
  • Il-mili mill-ġdid tal-ħżin tal-gass għall-protezzjoni taċ-ċittadini u n-negozji jekk tinqata’ l-provvista tal-gass
  • Minimu ta’ 80% tal-livell tal-ħżin tal-gass sal-1 ta’ Novembru 2022
  • Miżuri biex jipproteġu r-riżervi minn interferenza barranija
  • Il-kapaċitajiet tal-ħżin tal-gass se jsiru infrastruttura kritika
Minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, din il-liġi timmira li timla r-riżervi strateġiċi Ewropej tal-gass aktar malajr qabel ix-xitwa biex il-provvisti tal-enerġija jkunu siguri.
Ir-regolament il-ġdid, li diġà ntlaħaq qbil dwaru mill-ministri tal-UE, jistabbilixxi livell mandatorju minimu ta’ gass fil-faċilitajiet tal-ħżin ta’ 80% sal-1 ta’ Novembru 2022. L-Istati Membri u l-operaturi għandhom jaħdmu biex jilħqu 85%. L-għan se jkun 90% għas-snin sussegwenti biex l-Ewropej ikunu protetti minn tfixkil possibbli fil-provvista. It-test jenfasizza l-ħtieġa tal-pajjiżi tal-UE li jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tal-gass u jżidu l-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija.
Ċertifikazzjoni mandatorja għall-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass
Skond ir-regolament, il-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass se jsiru infrastruttura kritika. L-operaturi kollha tal-ħżin se jkollhom iwettqu ċertifikazzjoni mandatorja ġdida biex jevitaw ir-riskji ta’ interferenza barranija. L-operaturi li ma jirnexxilhomx jassiguraw din iċ-ċertifikazzjoni se jkollhom iċedu s-sjieda jew il-kontroll tal-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tal-UE.
Sa Awwissu 2022, il-Kummissjoni se toħroġ gwida dwar kif il-pajjiżi tal-UE jistgħu jakkwistaw il-gass b’mod konġunt, sabiex din tiġi attivata b’mod volontarju minn żewġ Stati Membri jew aktar.
“Ir-regolament hija t-tweġiba għas-sitwazzjoni attwali. Gazprom qed juża l-provvista tal-enerġija bħala arma (…) għalhekk għandna tarka protettiva”, qal il-MPE Jerzy Buzek (PPE, PL), li qed imexxi t-tim tan-negozjaturi tal-Parlament.
Bir-regolament, “ħadd li juża l-enerġija bħala arma (…) mhu ser ikun responsabbli għall-kapaċitajiet ta’ ħżin tagħna. Barra minn hekk, nistgħu formalment nibdew ix-xiri konġunt tagħna tal-gass naturali fl-UE” żied jgħid.
“Il-pajjiżi b’kapaċitajiet kbar ta’ ħżin se jkunu obbligati li jkollhom mill-inqas 35 % tal-konsum tagħhom hemmhekk. Il-pajjiżi li m’għandhomx kapaċità ta’ ħżin ser ikollhom jikkonkludu ftehimiet mal-Istati Membri l-oħra biex jaħżnu l-kwantitajiet meħtieġa ta’ gass għalihom. Dan huwa mekkaniżmu ta’ solidarjetà inċentivat minn dan ir-regolament”, qal ir-relatur u l-President tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija Cristian Buşoi (PPE, RO).
Il-leġiżlazzjoni ġiet adottata illum b’490 voti favur, 47 voti kontra u 55 astensjoni Issa teħtieġ l-approvazzjoni formali tal-Kunsill qabel ma tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali u tidħol fis-seħħ.
Il-proposta leġiżlattiva ġiet adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu, fil-kuntest tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna. Fil-5 ta’ April, il-Parlament ivvota favur l-iskattar ta’ proċedura rapida u appoġġa l-proposta jumejn wara. Fis-Summit ta’ Versailles, il-mexxejja tal-UE talbu għal miżuri li jindirizzaw il-kwistjoni tal-indipendenza enerġetika.