L-ADPD jgħidu li ż-żewġ rapporti dwar it-tibdil propost fid-distretti elettorali, li ġew ippubblikati lbieraħ, kemm dak tar-rappreżentanti Laburisti bl-appoġġ taċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali kif ukoll ir-rapport minoritarju ta’ dawk maħtura mill-PN, juri kemm il-PL u l-PN moħħhom biex jiġbdu lejhom, u biex jiffavorixxu l-partit rispettiv tagħhom avolja suppost iservu rwol kostituzzjonali fl-interess tal-pajjiż
kollu.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party Dr Ralph Cassar
saħaq li ż-żewġ rapporti juru b’mod ċar li kemm il-PL, kif ukoll
il-PN, qed jipproponu distretti elettorali li jservu l-interessi
tal-partiti rispettivi tagħhom. Qed iraqqgħu l-pannu bil-qara’ aħmar.
Il-fatt jibqa’ li s-sistema elettorali, imfassla minnhom u bi qbil
bejniethom, mhux tajba u hija miftuħa beraħ għal-logħob bid-distretti
taż-żewġ partiti fil-Kummissjoni Elettorali. L-istorja wriet li kull
darba li wieħed minnhom kien fil-gvern dejjem lagħbu bid-distretti kif
kien jaqblilhom. Did-darba l-istess qed jagħmel il-Partit Laburista.
F’sistema elettorali tajba l-mod kif jitqassmu d-distretti ma jagħmilx
differenza għall-eżitu tal-elezzjoni.
Kull vot jgħodd, qalet Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD – The Green
Party. Huwa għalhekk li aħna qegħdin il-qorti dwar is-sistema
elettorali, għax din hi f’kunflitt mad-drittijiet umani kif elenkati
fil-Kostituzzjoni b’mod li wħud mill-voti ġabuhom ma jiswewx. Huwa
għalhekk li rridu li s-sistema elettorali tkun waħda tajba, biex ma
tħallix bieb miftuħ beraħ għat-taħwid tal-PL u tal-PN, b’distretti
elettorali mbgħabsa, skont min imissu. Issa l-PN ikollu jbaxxi rasu,
kif fil-passat kellu joqgħod il-PL. Imma t-tnejn li huma kuntenti għax
jafu li meta tiġi d-daqqa tagħhom iħawdu u jimmanuvraw biex jipprova
jgawdi l-partit tagħhom.
