Il-pluraliżmu etiku f’Malta hu realtà- ADPD

“Aħna u niddiskutu l-proposti preżentement quddiem il-Parlament dwar titjib fl-aċċess għall-IVF irridu inżommu quddiem għajnejna li fil-pajjiż jirrenja l-pluraliżmu etiku. Filwaqt li kull argument għandu jiġi diskuss, dan il-pluraliżmu għandu jfisser li f’soċjetà demokratika m’hemmx moralità waħda assoluta li tiżboq lill-oħrajn. Hija s-soċjetà nnifisha li fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedi kif u f’liema limiti għandha tintuża t-teknoloġija – f’dal-każ dik medika. Is-soċjetà għandha tħares lejn soluzzjonijiet li jirrispettaw u jaqdu aspettattivi għal firxa kemm jista’ jkun wiesgħa tas-soċjetà.” Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo, fil-kuntest tad-diskussjoni fil-Parlament dwar l-emendi għall-liġi dwar ir-riproduzzjoni assistita.
“Dan għandu jsir bi strutturi regolatorji serji tal-istat, li filwaqt jiffaċilitaw l-aċċess lil min jeħtieġu jkunu iebsa kontra kull abbuż. Iffaċilitar ta’ aċċess għandu joffri soluzzjonijiet fattibbli lil min jagħmel użu, għall-bżonn mediku, kif ukoll biex titjieb l-kwalità tal-ħajja tal-persuni, kemm dawk li diġà għaddejjin minn tbatija, fiżika kif ukoll mentali, u anke dawk li għad iridu jitwieldu.”
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party, Ralph Cassar qal li hu importanti li kull diskussjoni dwar is-saħħa tirrinforza t-tradizzjoni Ewropea u Maltija ta’ servizz tas-saħħa, li b’mod ġenerali huwa ta’ servizz pubbliku u soċjali, u mhux industrija ta’ profitti għas-skapitu ta’ kollox, bħal per eżempju dik tal-Istati Uniti. Din it-tradizzjoni għandha tiżgura deċiżjonijiet u kumpass etiku li joffru soluzzjonijiet mediċi għal problemi reali u serji, ibbażati fuq l-empatija. Huwa wkoll importanti li nissalvagwardjaw kontra attitudnijiet li jwasslu għal dinjità inqas għal persuni b’diżabilità. Waħda ma tmurx kontra l-oħra żied jgħid.
“Il-fatt huwa li Pre-implantation Genetic Diagnosis (PGD) huwa użat għal persentaġġ żgħir ħafna ta’ persuni li huma f’riskju li ġenetikament jgħaddu mard serju u devastanti lil uliedhom. Dawn in-nies ukoll għandhom id-dritt jiddeċiedu li jagħmlu għażla li biha jkun possibli li ma jgħaddux it-tbatija ta’ mard serju lil uliedhom.
Kemm hija etikament aċċettabbli li l-professjonist mediku b’mod konxju jimpjanta embrijuni li x’aktarx iġorru mard ġenetiku devastanti? Il-PGD għal raġunijiet mediċi, li jiżgura trabi mingħajr mard ġenetiku serju, li jnaqqas b’mod tanġibbli t-tbatija, u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja bil-bosta huwa għaldaqstant etikament aċċettabbli. Jekk il-PGD għal raġunijiet mediċi hija skomda għal parti mis-soċjetà aktar konservattiva, l-alternattiva għal din hija wkoll etikament skomda, jiġifieri li tagħżel li timpjanta ċelloli li jiżviluppaw u jwasslu għal tbatija kbira għal xi ħadd fil-futur. Anke fin-natura mhux l-embrijuni kollha jaslu għal tqala vijabbli.”
Carmel Cacopardo għalaq billi appella biex diskussjoni dwar deċiżjonijiet diffiċli etiċi għandhom jibqgħu, anzi jiżdiedu, basta jsiru b’rispett u billi kulħadd jagħraf li l-pluraliżmu etiku qiegħed u se jibqa’ magħna. “L-argumenti ta’ sezzjonijiet konservattivi tas-soċjetà huma ukoll argumenti li wieħed għandu jiddiskuti, għax teknoloġiji ġodda dejjem iġibu sfidi etiċi magħhom. Imma fl-aħħar mill-aħħar il-pluraliżmu etiku huwa magħna u se jibqa’ magħna, fatt li għandu jaċċettah kulħadd. Dan huwa normali f’soċjetà moderna u matura.”