Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mar-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-libertà tal-midja

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mar-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) dwar il-libertà tal-midja, Teresa Ribeiro. Fil-laqgħa, il-prim ministru semma għadd ta’ riformi li saru f’sentejn u fi żmien sfidi globali bla preċedent, u dan biex ikompli jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali, il-governanza u anke s-settur tal-midja.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega l-proċess tal-preżentazzjoni tal-abbozzi li jagħtu l-aqwa protezzjoni li qatt ingħatat lill-midja u lill-ġurnaliżmu Malti fl-istorja. Ġie spjegat kif wara li l-gvern laqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika Daphne Caruana Galizia, inħoloq Kumitat ta’ Esperti dwar is-Settur tal-Midja, li huwa mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, li mexxa wkoll l-inkjesta pubblika. Hawn il-Prim Ministru rrimarka li kien hemm qbil wiesa’ kemm mal-familja Caruana Galizia iżda anki mal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IGM) dwar il-kompożizzjoni tal-membri tal-Kumitat ta’ Esperti u t-termini ta’ referenza tal-istess kumitat.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma li wara li r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat imsemmi waslu għand il-gvern, fil-Parlament tressqu tliet abbozzi ta’ liġi li jżidu l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Fakkar kif il-gvern laqa’ 87% tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ esperti. Fil-laqgħa ntqal kif b’dawn l-abbozzi, Malta qed tkun pijuniera fl-Unjoni Ewropea billi qed tintroduċi l-anti-SLAPP fil-liġi Maltija apparti pieni iżjed ħorox għal reati fuq il-ġurnalisti.
Fil-laqgħa ġie rimarkat ukoll li ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għal konsultazzjoni ulterjuri. Dan fi spirtu ta’ aktar koperazzjoni u għalhekk l-abbozzi ta’ liġijiet fil-fatt baqgħu fl-istadju tal-ewwel qari. Fil-laqgħa mal-OSCE, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-gvern jibqa’ impenjat li jagħmel ir-riformi għaliex jemmen tassew li l-libertà tal-espressjoni u l-irwol tal-midja huma sisien importanti f’soċjetà demokratika.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq ukoll li jirrikonoxxi u jilqa’ bis-saħħa l-ħidma tal-Uffiċċju tal-OSCE dwar il-libertà tal-midja, b’Teresa Ribeiro tirringrazzja lill-Prim Ministru u l-Gvern Malti tad-djalogu miftuħ mal-Organizzazzjoni li tirrappreżenta u nnutat ukoll il-ħidma li saret u li qed tkompli ssir favur it-tisħiħ fil-libertà u l-funzjoni importanti li taqdi l-midja. Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-OSCE Natasha Meli Daudey u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.​