Illum, 4 ta’ Frar 2025, fil-Qorti ta’ Malta tkompliet seduta oħra tal-kawża li nfetħet mill-pulizija kontra l-ġurnalisti ta’ PMnews, Mario Camilleri u Rita Bonnici, kif ukoll il-mistieden tagħhom fil-programm tas-6 ta’ April 2022, Matthew Grech.
Id-difiża ta’ Grech, immexxija mill-Avukat Jeanise Dalli, resqet ix-xhud Dr. Mike Davidson, Chairman tal-IFTCC li joqgħod fir-Renju Unit. Dr. Davidson ta x-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Monica Vella LLD, kemm għall-mistoqsijiet tal-Avukat Jeanise Dalli kif ukoll dawk tal-Avukat tal-kwerelanti, Cedric Mifsud.
Meta mistoqsi mill-Avukat Mifsud dwar jekk it-terapija tal-konverżjoni hijiex tajba jew ħażina, Dr. Davidson wieġeb li l-IFTCC qatt ma taqbel ma’ terapija ħażina (“bad therapy”). Huwa sostna li bħala entità jemmnu fil-libertà tal-persuna li jkollha d-dritt tagħżel l-orjentazzjoni sesswali tagħha, kemm jekk tkun LGBTIQ kif ukoll jekk tkun eterosesswali. Sostna wkoll li ħadd m’għandu d-dritt jimponi fuq ħadd u għaldaqstant huma bħala organizzazzjoni joffru sapport biex persuna tħossha libera tkun dak li tħossha komda fih.
Dr. Davidson spjega li l-IFTCC ma toffrix terapija tal-konverżjoni iżda biss sapport lil professjonisti marbuta ma’ din il-prattika. Meta mistoqsi jekk kienx jaf bil-programm tas-6 ta’ April 2022, huwa qal li Matthew Grech qatt ma informaħ bih.
Ix-xhud iddikjara li meta ra l-programm innutat kif Grech kien qed jirrakkonta esperjenza personali tiegħu u li l-ġurnalisti kienu qed jagħmlu xogħolhom b’mod tajjeb li jiftħu d-diskussjoni. Dr. Davidson saħaq ukoll li Grech, f’ċerti mumenti, kkwota esperti u semma pubblikazzjonijiet xjentifiċi biex isostni l-argument tiegħu.
Is-seduta kompliet bil-mistoqsijiet tal-partijiet kollha involuti, u s-smigħ li jmiss dwar dan il-każ se jkompli nhar il-30 ta’ April 2025 fil-11:30am quddiem il-Maġistrat Monica Vella.