Il-vjolenza domestika b’mezzi teknoloġiċi

Id-diversi forom ta’ vjolenza domestika li ssir bl-użu ta’ mezzi teknoloġiċi kienu taħt il-lenti f’konferenza li ġabet flimkien esperti Maltin, minn Norveġja u mill-Iżlanda bħala parti mill-proġett tal-Kummissjoni Nazzjonali Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, iffinanzjat mill-fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea u n-Norveġja.​

Fil-ftuħ tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li l-forom varji ta’ vjolenza ċibernetika qegħdin jiżdiedu u jsiru iktar sofistikati. Hija qalet li għalkemm il-liġijiet Maltin diġà jipprovdu biex dawn l-atti jkunu kunsidrati bħala reati kriminali, konferenza bħal din isservi biex ikun hemm skambju ta’ ideat dwar miżuri, proċeduri u sistemi biex ikun miġġieled dan il-fenomenu u tingħata għajnuna u protezzjoni lill-vittmi.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li s-soċjetà  ma tistax tagħlaq għajnejha għal dan l-abbuż li għandu jittieħed bl-ikbar serjetà mill-persuni li jkunu fil-mira ta’ forom differenti ta’ theddid ċibernetiku għaliex dan jista’ faċilment iwassal għal reati iktar gravi inkluż il-femiċidju.

Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Samantha Pace Gasan semmiet li l-istrateġija nazzjonali tipprovdi għal azzjonijiet u miżuri biex jissaħħu l-oqsma amministrattivi kemm mil-lat ta’ prevenzjoni, mil-lat ta’ prosekuzzjoni u mil-lat ta’ sapport lill-vittmi li jkunu fil-mira ta’ diversi forom ta’ vjolenza li tkun faċilitata mill-mezzi teknoloġiċi.

Hija kompliet tgħid li dan il-proġett trilaterali kompla saħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni Nazzjonali Kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika b’esperjenzi ġodda miksuba mal-partners tal-proġett fin-Norveġja u fl-Iżlanda fejn delegazzjoni Maltija li tinkludi wkoll uffiċjali tal-pulizija u mill-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali kellhom l-opportunità jaraw mill-qrib is-servizzi u l-istrutturi li hemm f’dawn il-pajjiżi kontra l-vjolenza ċibernetika.