Il-wegħdi dwar it-titjib fil-pagi baxxi minsijin-ADPD

L-ADPD – The Green Party fi stqarrija għall midja tgħid li s-sena l-oħra, fil-ġimgħat ta’ qabel ma tħabbar il-baġit, il-Ministru tal-Finanzi kien qal li qed jaħseb biex jintroduċi mekkaniżmu speċjali biex jipproteġi aħjar lill-vulnerabbli mill-impatti tal-għoli tal-ħajja. Wara tnax-il xahar għad ma ġie introdott xejn minn dak li ħabbar il-Ministru.
Iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo qal li “il-Gvern reġa wasal biex jippreżenta u jipprepara budget ieħor, imma s’issa milli jidher, nesa li jieħu azzjoni biex tiddaħħal sistema ta’ żieda fil-pagi immirata għas-sezzjonijiet l-aktar fqar tal-popolazzjoni – dawk magħrufa bħala ‘the working poor’.”
“Il-Gvern u l-Ministru tal-Finanzi jitkellem fuq ‘studji’, li iżda qatt ma jagħtu l-ebda riżultat.”
“Nerġgħu nisħqu fuq il-bżonn urġenti ta’ reviżjoni tal-baskett ta’ oġġetti u servizzi li fuqu tinħadem il-paga minima nazzjonali biex din tkun toffri verament għajxien diċenti lill-ħaddiema u lill-pensjonanti. Infakkru li ripetutament l-istudji li għamlet il-Caritas, inkluż l-aħħar wieħed tal-2020, juru li anke għall-aktar affarijiet bażiċi familja għandha bżonn dħul ta’ madwar €14,000 fis-sena għal għixien diċenti.
Cacopardo emfasizza li il-proposti tal-ADPD lejliet il-baġit huma tnejn: li jkun rivedut il-basket ta’ oġġetti u servizzi li fuqhom tinħadem il-paga minima. Nipproponu ukoll li iż-żieda għall-għoli tal-ħajja titħallas darbtejn fl-1 ta’ Lulju u l-1 ta’ Jannar u dan biex jittaffa l-piż fuq spallejn il-vulnerabbli.
Il-problema tibqa’ n-nuqqas ta’ distribuzzjoni ġusta tal-ġid, u l-Gvern qed jonqos li jieħu miżuri biex jimbotta biex isseħħ din id-distribuzzjoni ġusta, ikkonkluda Cacopardo.