Washington, 26 ta’ Frar 2025 – Il-White House tħabbar bidla kbira fil-mod kif jiġu ġestiti l-aċċessi tal-ġurnalisti għall-President Amerikan Donald Trump. Karoline Leavitt, is-Segretarju tal-Istampa tal-White House, qalet li l-gvern se jkun qed jieħu f’idejh il-kontroll tal-“press pool” – il-grupp ta’ ġurnalisti li jirrappreżentaw diversi midja u li jkollhom aċċess dirett għall-president.
L-entitajiet tal-midja tradizzjonali li ilhom hawn għal snin se jibqgħu jieħdu sehem, imma se nilqgħu wkoll vuċijiet ġodda,”
qalet Leavitt. Din id-deċiżjoni tfisser li l-White House mhux se jibqa’ jsegwi l-prattika tradizzjonali fejn il-White House Correspondents’ Association (WHCA) kienet tiddetermina liema ġurnalisti jkunu parti mill-press pool.
Il-bidla ġiet wara li l-Associated Press ippruvat tiddefendi d-dritt li l-midja tradizzjonali tibqa’ tmexxi l-proċess, iżda tilef każ quddiem il-qorti federali. Issa, id-deċiżjoni ta’ min jikseb aċċess għall-President Trump se tittieħed direttament mill-amministrazzjoni tiegħu.
Il-kritika għal din il-mossa ma naqsitx. Xi ġurnalisti u organizzazzjonijiet tal-midja qalu li dan jista’ jwassal għal kontroll selettiv tal-aċċess għall-informazzjoni. Oħrajn jarawha bħala pass biex tingħata iktar diversità u spazju lil midja ġdida, speċjalment lil dawk meqjusa aktar favur il-president.
Il-WHCA esprimiet it-tħassib tagħha, u saħqet li dan jista’ jipperikola l-indipendenza tal-ġurnaliżmu fil-White House. “Sistema fejn il-gvern jiddeċiedi min jista’ jirrapporta fuqu hija ta’ tħassib serju,” qalu rappreżentanti tal-assoċjazzjoni.
Filwaqt li d-dettalji ta’ kif se jsir il-proċess għadhom mhumiex ċari, din id-deċiżjoni tirrappreżenta bidla sinifikanti fil-mod kif l-amministrazzjoni Amerikana tittratta lill-istampa, u tista’ taffettwa r-relazzjoni bejn il-White House u l-ġurnalisti għall-futur qarib.