Bdiewa Maltin u Għawdxin se jibbenefikaw minn skema ta’ għajnuna li għaliha hemm allokat baġit ta’ €3 miljun minn fondi nazzjonali. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.
Il-Ministru Refalo spjega kif il-bdiewa Maltin u Għawdxin qed jaffaċjaw żieda kbira fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b’mod partikolari ż-żieda fil-prezz tax-xiri tal-fertilizzanti li huma neċessarji fl-attività agrikola tagħhom.
Louisa Formosa, Direttur għall-Pagamenti fi ħdan l-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) spjegat li din l-għajnuna se tkun qed tingħata f’forma ta’ vouchers li jistgħu jintużaw mill-bdiewa għax-xiri tal-fertilizzanti. Hi spjegat kif l-aġenzija ħarġet sejħa għall-interess sabiex sidien ta’ stabbilimenti li jbiegħu l-fertilizzanti jkunu jistgħu jissieħbu f’din l-iskema. Il-vouchers se jkunu jistgħu jissarfu biss fi stabbilimenti identifikati.
Il-Ministru Refalo spjega li, “Permezz ta’ din l-iskema, qed naraw kif il-Gvern għal darb’oħra qed ikun ta’ spalla għall-bdiewa Maltin u Għawdxin f’mumenti li verament għandhom bżonn, kawża tal-effetti li ħalliet il-pandemija u anke minħabba l-impatt tal-gwerra fl-Ukrajna”. Huwa kkonferma li madwar 6,000 bidwi huwa eliġibbli għal din l-iskema.
Din l-iskema hija għajnuna ulterjuri għall-bdiewa li diġà qed jibbenefikaw minn skemi nazzjonali oħrajn maħruġa f’dawn l-aħħar xhur. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ email fuq [email protected] jew billi ċċempel fuq 22926148.