Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima llum nieda 6 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju b’valur totali ta’ €3 miljun. Dawn huma: il-Malta Arts Scholarships Scheme; il-Malta Sports Scholarships Scheme; il-Veterinary Studies Scholarships Scheme; Live the language; Endeavour 2; u l-Iskema TESS.
Il-Ministru Grima sostna li dawn is-sitt skemi ta’ boroż ta’ studju huma opportunità oħra għall-istudenti biex ikomplu l-istudji tagħhom u jiżviluppaw aktar l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. L-impenn tal-Gvern fis-settur edukattiv huwa li jkompli jkun ta’ spalla għal dawk l-istudenti li jixtiequ javvanzaw bl-istudji tagħhom billi jkompli jsaħħaħ il-programmi eżistenti ta’ scholarships. “Aħna nemmnu li l-investiment qawwi fit-tfal tagħna jiggarantixxi suċċess għalihom, għas-soċjetà u għal pajjiżna,” stqarr il-Ministru Grima, “l-investiment li qed inħabbru llum mhux biss se jgawdu minnu l-istudenti, imma permezz tiegħu se nkomplu nsaħħu l-akbar riżors li għandu pajjiżna – ir-riżors uman”.
L-iskemi ta’ Boroż ta’ Studju huma:
I) Skema ta’ Borża ta’ Studju dwar Studji Veterinarji
Il-korsijiet li jwasslu għad-Dottorat fil-Mediċina Veterinarja (fil-Livell 7 tal-QMK – Qafas Malti għall-Kwalifiki) s’issa mhumiex disponibbli lokalment. It-tnedija ta’ din l-iskema ġdida ta’ boroż ta’ studju se tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Livell 7 tal-QMK) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju aktar sodisfaċenti li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija li jwassal biex jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b’ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-QMK.
II) Skema ta’ Borża ta’ Studju Endeavour 2
L-Endeavour II Scholarships Scheme qed tappoġġja edukazzjoni terzjarja (fil-Livell 7 tal-QMK) ta’ kwalità u tassigura li s-suq tax-xogħol Malti jkollu fih l-aħjar individwi u tiggarantixxi li jkun f’pożizzjoni aħjar li jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-kisba tal-edukazzjoni kif ukoll biex jikkontribwixxu b’mod effettiv lejn l-ekonomija. L-edukazzjoni postuniversitarja tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta’ kull pajjiż u twassal għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta’ ħafna nies.
III) Skema ta’ Borża ta’ Studju TESS
TESS hija skema oħra miftuħa għal studenti postuniversitarji, fil-livell 7 tal-QMK u fil-livell 8 tal-QMK. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għall-istudenti sabiex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta’ studju t’edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti jżidu l-livelli ta’ riċerka akkademika.
IV) Skema ta’ Borża ta’ Studju tal-Arti
Il-Malta Arts Scholarships’ Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet u appoġġ lill-individwi li għandhom talenti eċċezzjonali fil-ħolqien u/jew il-promozzjoni ta’ professjonisti fl-Arti Espressiva, it-Teatru, il-Mużika, iż-Żfin, id-Disinn, il-Kitba Kreattiva, il-Film, l-Arti Viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom.
V) Skema ta’ Borża ta’ Studju dwar l-Isport
Permezz ta’ din l-iskema, l-isports se jkun qed jittieħed għal-livell professjonali u se jippromwovi l-iżvilupp ta’ atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment se jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f’Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa’ b’benefiċċji ekonomiċi pożittivi għall-industrija tat-turiżmu iżda se tinkoraġġixxi wkoll l-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f’titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseru tal-popolazzjoni kollha.
VI) Live the Language
Din l-iskema se tgħin biex nippromwovu b’mod attiv it-tagħlim tal-lingwi barranin għal żagħżagħ ta’ bejn l-14 u t-30 sena. Permezz ta’ din l-iskema, mijiet ta’ żgħażagħ se jkunu jistgħu jitgħallmu lingwa barranija waqt li jesperjenzaw il-kultura tal-pajjiż. Din l-iskema tgħin liż-żgħażagħ biex isegwu aktar livelli ta’ studju f’lingwi barranin kif ukoll itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-ħiliet lingwistiċi f’setturi ekonomiċi differenti tal-ekonomija Maltija.
L-applikazzjonijiet għall-iskemi kollha se jkunu miftuħa f’dati mil-lum il-Ħamis 16 ta’ Ġunju ‘l quddiem u wieħed jista’ japplika u jara dettalji fuq www.myscholarship.gov.mt.