Imnedija sistema diġitali f’SVDP favur aċċess aħjar għall-informazzjoni medika tal-pazjenti

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mat-tmexxija tal-Isptar San Vinċenz de Paul (SVDP), nedew sistema diġitali ġdida li se jkunu qed jibbenefikaw minnha kemm utenti professjonisti kif ukoll il-pazjenti f’SVDP.
Din is-sistema se tgħin primarjament sabiex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni medika tal-pazjenti. Dan il-pass huwa qabża diġitali li tikkonferma l-impenn tal-gvern li jmexxi ‘l quddiem il-kura tal-anzjani.
Il-Ministru Jo Etienne Abela sostna kif din is-sistema hija xhieda tal-bżonn kontinwu favur ħidma li tkompli tixpruna l-qalba diġitali u jiġi evitat ukoll użu eċċessiv ta’ karti. Huwa tenna wkoll li hemm il-ħsieb li din is-sistema titwessa’ sabiex tinkludi fiha d-djar tal-anzjani kollha madwar Malta u Għawdex.
Is-sistema diġà tintuża minn tobba fl-Isptar Mater Dei hekk kif permezz tagħha d-dipartimenti kollha jtellgħu l-informazzjoni medika tal-pazjenti f’din is-sistema u tkun aċċessibbli real time. Għaldaqstant, l-informazzjoni tista’ tiġi aċċessata b’mod spedit li twassal għal aktar effettività fil-kura tal-pazjent innifsu. Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa.
Permezz ta’ din is-sistema, professjonisti, bħal tobba u infermiera, jkunu jistgħu jsegwu l-istorja medika tal-pazjenti u jiġi ffaċilitat it-tqassim tal-informazzjoni bejn il-professjonisti differenti responsabbli mill-kura tal-pazjent. Din is-sistema tilqa’ fi ħdanha dettalji tal-pazjenti u riżultati ta’ testijiet bħal dawk tad-demm, il-mediċini li jkunu qed jingħataw, informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-pazjent u episodji notevoli li jseħħu tul it-trattament, kif ukoll d-dettalji ta’ kull laqgħa tal-professjonist mal-pazjent.​