Ġie mniedi kors tal-Malti li permezz tiegħu ser jara tagħlim ta’ Malti bażiku għall-professjonisti u ħaddiema barranin f’San Vinċenz de Paul. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea.
Dan il-kors se jinkludi tagħlim bażiku bil-Malti li se jgħin lill-ħaddiema jikkomunikaw aħjar mal-pazjenti, inkluż tagħlim dwar terminoloġija medika bażika, tagħlim bil-Malti ta’ kif jfehmu s-sintomi lill-pazjenti, fost tagħlim ieħor. Preżentement hemm 60 ħaddiem li qed jagħmel dan il-kors.
Il-Ministru Jo Etienne Abela saħaq dwar l-importanza tal-komunikazzjoni fis-servizz mediku bejn il-pazjenti u dawk li jikkurawhom. “Grazzi għal dan it-taħriġ, ser naraw titjib fis-servizz offrut u fil-kwalità tal-kura tal-anzjani. Irridu naċċertaw li l-anzjani Maltin u Għawdxin li ma għandhomx l-għarfien tal-lingwa Ingliża jħossuhom komdi meta jirċievu l-kura u jagħmlu użu mis-servizzi offruti,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal li, “Il-komunikazzjoni mal-pazjent huwa kruċjali meta jkunu qed jieħdu servizz ta’ kura u propju għalhekk kien importanti li naraw li l-ħaddiema f’dan is-settur ikollhom bażi tal-lingwa Maltija. Permezz ta’ dan it-taħriġ qed niżguraw li jkollna servizz li joffri sigurtà kemm għall-pazjenti u l-familjari, imma fuq kollox għall-anzjani tagħna.”