Imniedi l-programm kulturali għat-tieni parti tas-sena tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħabbret il-programm kulturali tagħha għall-perjodu ta’ Lulju sa Diċembru 2022. Il-programm jinkludi produzzjonijiet u kollaborazzjonijiet ġodda bl-involviment ta’ diversi artisti, li jimmarkaw ir-ruħ kulturali, artistika u soċjali tal-Belt Valletta. ​​​​
“Inħossni tassew kburi nippreżenta l-programm kulturali għax-xhur li ġejjin, li permezz tiegħu qed inkomplu nuru bil-fatti kemm aħna kburin bil-kultura Maltija u kemm se nibqgħu nimbuttaw il-prodott u l-identità Maltija f’kull okkażjoni. Irridu nkompli nkattru l-identità taghna l-Maltin fil-qlub ta’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-patrimonju u l-kultura Maltija,” qal il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li jinsabu lesti sabiex għal darb’oħra joffru lill-pubbliku programm li jiċċelebra l-ħajja u l-ferħ, filwaqt li jiffukaw b’mod sħiħ fuq it-talent lokali, kif ukoll f’attivatijiet li jkomplu jenfasizzaw l-isbuħija tal-Belt Valletta.
Dan il-programm jinkludi l-ewwel produzzjoni tat-teatru mużikali bħala kollaborazzjoni bejn Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bl-isem ta’ ‘Sweeney Todd, The Demon Barber of Fleet Street’. Din il-produzzjoni tinsab għaddejja bħalissa. Fl-istess waqt, qed tittella’ wkoll il-Malta Fashion Week and Awards, avveniment tal-moda li jittrasforma l-belt kapitali fi pjattaforma għat-talent Malti u dak kollu li l-industrija tal-moda lokali għandha x’toffri.
F’Settembru se jkollna l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Local Food Week, li se jsir fil-Valletta Design Cluster. Il-Valletta Local Food Week se tippromwovi u tiċċelebra x-xena kulinarja u l-kċina lokali. Il-programm tal-Valletta Design Cluster ikompli b’serje ta’ open days, opportunitajiet għall-membri u ħafna aktar.
Se jibqa’ jkun hemm ukoll installazzjonijiet ikkuluriti fi Triq in-Nofsinhar, li jingħażlu permezz ta’ sejħiet miftuħa għal proposti, li jinbidlu kull erba’ xhur.
F’Ottubru se jittella’ kunċert minn wieħed mill-artisti l-aktar imfittxija fid-dinja, José Cura, li se jinterpreta firxa wiesgħa ta’ kanzunetti li ġejjin minn art twelidu, l-Arġentina, kif ukoll kompożizzjoni oriġinali ta’ ċiklu ta’ kanzunetti bbażata fuq il-poeżija ta’ Pablo Neruda.
L-edizzjoni ta’ Altofest Valletta, iddisinjata speċifikament għall-Belt Valletta, se ssir ukoll f’Ottubru.
Lejn l-aħħar tas-sena mbagħad se jkun hemm wirja mill-iskultur Antoine Farrugia. F’din il-wirja, bl-isem ta’ ‘It’s all Paperwork’, se jintwerew xogħlijiet tal-arti li se juru l-ġebla tal-franka tittrasforma f’dik li tista’ titqies bħala ‘kważi karta’.
Dan filwaqt li l-Valletta National New Year’s Eve celebration se tkun qed tipprovdi spettaklu uniku, inkluża wirja speċjali tal-logħob tan-nar fil-Port il-Kbir.