Il-kunsilli lokali tal-Belt Valletta, Birkirkara, Marsaxokk, Birżebbuġa u ż-Żurrieq ser ikunu parteċipi fi proġett pilota mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni bil-għan li tissaħħaħ l-effiċjenza u r-rapidità tat-tindif tat-toroq fl-imsemmija lokalitajiet.
Dan il-proġett pilota ser ikun qiegħed jieħu sitt xhur u ser jara fid-dettall x’inhuma l-isfidi u l-opportunitajiet eżistenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sanitizazzjoni esterna f’dawn il-lokalitajiet.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li preżentament teżisti sistema fejn numru ta’ kunsilli lokali jaħdmu ma’ ażjendi privati biex jassistu lil-lokalitajiet fejn jidħol knis fit-toroq u ġbir ta’ materjal ieħor. “Irridu nirrikonoxxu li dan is-servizz mhux dejjem jilħaq il-livell ta’ ndafa mixtieq kemm mill-kunsilli lokali iżda anke mir-residenti. “Għalhekk, il-gvern, permezz tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manuntenzjoni, ser ikun qiegħed jassisti billi jsaħħaħ ir-riżors uman li minnu nnifsu jfisser iżjed effiċjenza fl-irħula u l-ibliet lokali”, kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. Huwa żied ukoll li l-għan ser ikun li l-kollaborazzjoni permezz ta’ dan il-proġett pilota bejn il-kunsill lokali u din id-diviżjoni jiġi estiż f’iżjed lokalitajiet madwar il-pajjiż kollu.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli saħqet fuq l-importanza li r-residenti jagħtu l-kontribut tagħhom billi jżommu mill-bieb ‘il barra nadif hekk kif iżommu nadif mill-bieb ‘il ġewwa f’darhom. “Iż-żamma ta’ lokalitajiet nodfa hija sfida għall-kunsilli lokali, iżda permezz ta’ sforz kollettiv u bilgħaqal ser noħolqu opportunità għal ambjent aħjar, aktar nadif u san għall-ġid tar-residenti”, qalet is-segretarju parlamentari.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni Ramon Deguara qal li bħala diviżjoni ser jibqgħu kommessi li bil-mezzi kollha possibbli u disponnibli jkomplu jsaħħu l-indafa pubblika fil-lokalitajiet.