Imniedi t-tieni programm ta’ investiment fuq tliet snin għall-għaqdiet kulturali

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda s-sejħa għal investiment fl-għaqdiet kulturali. Din is-sejħa, amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti, tnediet għat-tieni darba bil-għan li toħloq sħubija mal-għaqdiet volontarji lokali li huma attivi u li jiffukaw fis-setturi kulturali u kreattivi. Dan se jsir fuq medda ta’ tliet snin.
F’dan il-programm qed jiġu investiti €300,000 kull sena, għal total ta’ €900,000 fuq perjodu ta’ tliet snin. Permezz ta’ dan l-investiment fuq tliet snin, l-organizzazzjonijiet jistgħu jiżviluppaw u jikbru, waqt li jwasslu l-għanijiet tal-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti.
“Bħala gvern, l-għan tagħna hu li nikkontribwixxu għall-arti u għall-kultura permezz ta’ programmi u skemi bħal dawn li jiżguraw tkabbir kontinwu u aktar stabbiltà fis-settur,” qal il-Ministru Bonnici waqt it-tnedija. “L-investiment fl-għaqdiet kulturali u l-programm ta’ qablu ra kważi €3 miljun mill-bidu tiegħu sa issa u hu grazzi għal inizjattivi bħal din li nistgħu nkomplu nagħtu l-appoġġ, naħdmu u nsaħħu fis-settur”.
Il-programm kien ġie introdott bħala l-iskema Cultural Partnership Agreement fl-2016 u reġgħet tnediet bħala Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali għas-Snin 2020-2022, fejn 13-il għaqda volontarja gawdew direttament minn din l-iskema, fosthom Moveo, Fondazzjoni Gabriel Caruana, Teatru Salesjan u Kinemastik. Kien hemm tliet organizzazzjonijiet oħra li ngħataw appoġġ fuq l-istess livell permezz ta’ ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, biex l-investiment permezz ta’ dan il-programm jiġi massimizzat.
Id-Direttur Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, irreferiet għall-aspetti ta’ dan il-programm li jindirizzaw direttament il-mira strateġika tal-kunsill għall-professjonisti kreattivi u l-komunitajiet. “Il-programm jaċċentwa l-investiment u t-trawwim ta’ espressjonijiet artistiċi u kulturali differenti, it-tisħiħ ta’ relazzjonijiet kulturali internazzjonali u jenfasizza l-kollaborazzjoni transsettorjali bħala kontribuzzjoni lejn l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, dan jgħin it-tisħiħ tal-operat tal-organizzazzjoni u jkompli jimxi id f’id mal-m​iri tagħna tal-Istrateġija 2025”.
L-Investiment fl-Organizzazzjonijiet Kulturali – Malta għandu żewġ fergħat, waħda għal investiment fi żvilupp organizzattiv u oħra għal investiment f’festivals, programmi u avvenimenti regolari.
Aktar informazzjoni u l-linji gwida dwar dan il-programm jistgħu jinstabu u jitniżżlu minn fuq www.artscouncil.mt taħt is-sezzjoni tal-fondi u opportunitajiet jew tista’ ċċempel fuq 23347230. Id-data tal-iskadenza tal-applikazzjonijiet hija nhar it-Tlieta 18 ta’ Ottubru 2022 f’nofsinhar. Organizzazzjonijiet volontarji b’indirizz Malti u li huma rreġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji biss jistgħu japplikaw.