77% tal-miżuri tal-Baġit ġew imwettqa fl-2022. Dan ħareġ minn eżerċizzju li għamel is-Servizz Pubbliku u li ġie ppubblikat bil-ħidma li saret fuq kull miżura tal-Baġit.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana spjega kif dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ juri li b’kollox din is-sena twettqu 324 miżura. Dan jinkludi miżuri mill-baġit 2022 kif ukoll miżuri oħrajn li fis-sena tagħhom kienu fi stadju ta’ twettiq u li twettqu din is-sena.
Fost il-miżuri mwettqa nsibu ċentri tas-saħħa ġodda, aktar mediċini b’xejn, il-firxa ta’ Community Policing f’aktar lokalitajiet, spazji ħodor ġodda, żieda fl-istipendji, trasport pubbliku b’xejn, żidiet fil-pensjonijiet u tnaqqis fit-taxxi tal-part-timers.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-miżuri tal-Budget għas-sena 2022 ġew imwettqa fi sfond ta’ sfidi kbar kawża tal-gwerra. Huwa spjega li fis-swieq internazzjonali, il-prezzijiet tal-enerġija għolew b’mod sproporzjonat. Hu semma dak li qed jiġri f’pajjiż ġar ta’ Malta – l-Italja, fejn il-familji Taljani qed jistennew kontijiet tal-enerġija li jilħqu l-€4700. F’Malta din ir-realtà ma teżistix għaliex il-Gvern qed jintervjeni b’mod b’saħħtu u qed jerfa’ dan il-piż hu minn fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru qal li l-Gvern mhux biss qed jipproteġi lill-familji, iżda wkoll qed iwiżinhom. Huwa qal li fil-Budget li ġej se jiġi introdott it-tieni mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja għal dawk li jifilħu l-inqas. Il-Gvern mhux biss qed jipproteġi l-ekonomija mid-daqqiet li ġejjin minn barra iżda wkoll qed jgħin lin-nies.
Il-Ministru Caruana tenna li minkejja l-isfidi kollha, għas-sena 2023, l-ekonomija Maltija mistennija tibqa’ tikber u dan juri l-mod għaqli li bih qed jitwettqu l-politiki ta’ dan il-Gvern li qed iħallu effetti pożittivi fuq pajjiżna. Li kieku l-Gvern ma mexiex b’dan il-mod matul xhur sħaħ ta’ sfidi, l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna ma kinitx tippermetti li dawn il-miżuri kollha jiġu mwettqa.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana semma kif b’dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ u twettiq, is-Servizz Pubbliku qed jara li mhux biss ikun effiċjenti iżda wkoll effettiv. Qal kif ir-rata ta’ twettiq ta’ din is-sena kienet fost l-ogħla fl-aħħar snin minkejja l-isfidi ta’ din is-sena, li kienu jinkludu elezzjoni ġenerali u t-tibdil sussegwenti ta’ portafolli.
Għal darb’oħra, il-miżuri tal-Baġit 2022 ġew allinjati mal-miri tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti; f’dan ir-rigward, Malta preżentement tokkupa t-33 post minn 163 pajjiż.