Problema imminenti kbira għall-prodotti agrikoli u tar-raħħal.
Illum kont qed nitkellem ma’ raġel li jrabbi n-naħal mill-Għargħur huwa saħaq li tilef ammont kbir ta’ naħal minħabba dak li jissejjaħ attakk tal-Bagħal taż-Żunżan dan qeridlu ħafna kaxxi u il ftit naħal li fadal qed jiġu attakkati minn dan l-insett, staqsejtu jekk qatt ġralu dan l-inċident u jekk kienx rari? Wieġeb li kemm ilu f’din l-industrija qatt ma tilef tant naħal, qalli ukoll li s-sena d-dieħla l-produzzjoni lokali tal-għasel u prodott ieħor tan-naħal ser jkunu affettwati b`mod negattiv. Huwa qalli ukoll li indika xi bejtiet lill-awtorità imma kollox waqa` fuq widnejn torox u baqa` ma sar xejn u dan baqa jiżdied. Sostna jgħid li hemm problema oħra hekk li normalment ħafna bdiewa jitolbu l-għajnuna tiegħu biex jieħu xi kaxxi tan-naħal ġo l-art tagħhom ħalli l-uċuħ tar-raba’ tagħhom jiġu mdakkra. Qalli li issa dan ma jistax jagħmel hekk minħabba t-telf kbir li ġarrab. Spiċċa biex qalli li għandu dwejjaq kbar għax qed jara il-qerda tan-naħal tiegħu u ta’ ħafna oħrajn fil qrib madwar Malta li qed jiġu affettwati biż-żieda tal-Bagħal taż-Żunżan
Ser nitilfu parti kbira mill-għasel Malti, speċjalment ta’ dawk li jrabbu in-naħal ħdejn l-ibliet u l-irħula għas-sempliċi raġuni li dan iż-Żunżan jgħix aktar fil-bini għax isib kenn, ħafna ikel u dan jiekol kważi kollox li jsib. Fortunatament dan iż-Żunżan ma jippreferix l-ambjent il-bogħod mil-bniedem għax jagħmilha aktar diffiċli għalih biex jitkattar.
X’se nistennew li jiġri s-sena d-dieħla u fis-snin li ġejjin jekk din il-problema tat-tixrid ta’ dan l-insett tkompli tikber u ma tkunx indirizzata bis-serjeta` mill-awtorita tal-pajjiż fl-interess nazzjonali biex jitnaqqas dan u jinqatlu l-bejtiet?
Kif dan se jaffettwa l-prodott domestiku fiż-żmien li ġej?
1. Fiż-żmien li ġej, se naraw żieda kbira fil-prezz tal-għasel Malti u prodotti minnhu.
2. Telf kbir fil-katina ta`ikel domestiku agrikolu minħabba inqas pollinazzjoni li ġejja min-naħal u dan se jfisser prezzijiet ogħla tal-ħaxix u tal-laħam minħabba nuqqas ta’ għelieqi produttivi.Dan ser iwassal għal aktar prodotti importati u nibqgħu naqgħu iktar dipendenti fuq pajjiżi oħra bil-problemi kollha li dan iġib magħhom eżempju ċar bħalma qed nesperjenzaw fil-każ tal-gwerra Russja kontra l-Ukrajna.
X’għandu jagħmel il-gvern biex jeqred jew jimminimizza dan l-insett?
1. Għandu jieħu din il-kwistjoni fl-ogħla livell possibbli u jibda jagħmel regoli ħorox biex dan l-insett ma jitkattarx.
2. Ma jitħalliex ikel barra għal l-ebda raġuni bħall ma` huwa fdal organiku speċjalment ħut u laħam fl’iskart li jdumu biex jinġabru jew inkella mikxufa, kif ukoll ikel niexef għall-annimali li dan l-insett tant iħobb jiekol.Importanti li dan l-ikel jitħalla ġewwa fejn iż-żunżan ma jistgħax jilħaq u jekk jkun fadal xi ikel li jingħata lill-annimali ta` triq irid jitneħħa.
3. Mill-ewwel isir pjan fejn il-kaxxi tan-naħal jitneħħew mill-bini u l-irħula fejn dan iż-Żunżan ma jħobbx ikun biex inkunu nistgħu nissalvagwardjaw in-naħla speċjalment dik Maltija li hija endemika minn dan l-assedju kbir li jeqrida u dan ser jiġri jekk aħna mhux ser nieħu azzjoni immedjata.
4. Titwaqqaf sezzjoni apposta mill-gvern fejn nies imħarrġa jibdew jeqirdu l-bejtiet, kif ukoll bl-għajnuna tal-poplu li javża fejn jara xi bejtiet u jitneħħew bla ħlas.
Il-problema kibret ħafna u hemm bżonn ta’ azzjoni, nittamaw li dak li ktibt ma jaqgħax fuq widnejn torox għax il-konsegwenzi ser jkunu kbar.