In-nies u n-negozji jridu jkunu mħarsa fid-deċiżjonijiet tal-UE dwar il-kriżi tal-enerġija – Ministru Miriam Dalli

Il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru fi Brussell saret laqgħa urġenti tal-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea biex jindirizzaw is-sitwazzjoni straordinarja tal-prezzijiet tal-enerġija u biex ikomplu jiddiskutu miżuri possibbli li jistgħu jtaffu l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni.
Waqt li kienet qed tindirizza lill-Kunsill tal-Enerġija, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli enfasizzat l-importanza li kwalunkwe miżura tal-UE implimentata għandha tkun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha u ma tgħabbix lin-nies u n-negozji bi spejjeż addizzjonali.
Miriam Dalli mbuttat ‘l quddiem l-introduzzjoni ta’ prezz massimu fuq il-gass li jintuża għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din, sostniet il-Ministru Dalli, tista’ tkun l-aktar proposta b’saħħitha jekk ikkumplimentata b’miżuri li jistgħu jiżguraw li ma jkunx hemm aktar nuqqas ta’ gass. Din il-miżura tista’ ttaffi mill-prezz wholesale tal-elettriku.
Il-Ministru Dalli tenniet li għandha tiġi evitata kull proposta li tissuġġerixxi tnaqqis obbligatorju tad-domanda għall-elettriku li tweġġa’ kemm lin-nies kif ukoll lill-ekonomiji Ewropej. Dan kien il-każ b’mod partikolari għal pajjiż bħal Malta li jiddependi mill-elettriku għall-attivitajiet tiegħu.
Malta diġà bdiet tħaddem miżuri biex tinċentiva l-effiċjenza u tnaqqas il-ħela tal-enerġija f’binjiet u entitajiet pubbliċi. Bħalissa għaddejja ħidma biex miżuri bħal dawn jiġu adottati mis-settur kummerċjali filwaqt li kampanji ta’ informazzjoni huma ntiżi li jindirizzaw lill-familji wkoll.
Quddiem din il-kriżi, il-Ministru Dalli qalet lill-Ministri tal-Enerġija Ewropej li wasal iż-żmien li jitħaffef l-investiment tant meħtieġ fl-infrastruttura tal-enerġija nadifa madwar l-Ewropa.
Il-Ministru Dalli appellat lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħin fit-tranżizzjoni għall-enerġija l-ħadra, daqs kemm għamlet waqt il-kriżi finanzjarja, fejn ġew investiti €3.2 triljun biex tinjetta l-likwidità fil-banek Ewropej fuq perjodu ta’ 8 snin.