Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura l-monument tal-bronż taċ-Ċittadella b’valur ta’ €80,000 li huwa wkoll l-ewwel mudell tax-xorta tiegħu fil-Gżejjer Maltin.
Il-Ministru Camilleri qal li l-mudell, li jinsab fuq iċ-Ċentru tal-Viżitaturi, “hu oġġett ta’ sbuħija fih innifsu għal kull min iżur iċ-Ċittadella, xi ħaġa li għandha ttejjeb l-esperjenza ta’ kull żjara fiċ-Ċittadella. L-iskrizzjonijiet fil-ġnub tal-monument jinkludu storja qasira taċ-Ċittadella, bil-Malti, bl-Ingliż u bil-Braille. Dan ikompli jikkumplimenta l-għan tal-Gvern li ntejbu l-aċċessibbiltà fil-postijiet kulturali tagħna b’kull mod.” Huwa sostna li permezz ta’ dan il-proġett qed ikompli jintwera li ċ-Ċittadella hu post storiku ħaj li qed jibqa’ jevolvi u li jibqa’ jagħti l-aqwa prodott lil dawk kollha li jżuruna.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb stqarr li minn issa ‘l quddiem is-sbuħija taċ-Ċittadella mhux se tibqa’ moħbija għal min hu nieqes mid-dawl. Dan filwaqt li spjega kif matul il-proċess kollu saru konsultazzjonijiet kemm mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kif ukoll mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Il-Braille sar bl-appoġġ tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija tal-Informatika.
Il-Perit Matthew Joseph Casha spjega li l-mudell tal-bronż inizzjalment sar fil-plastik permezz ta’ scan 3D preċedenti taċ-Ċittadella li kien sar mill-Prof. Saviour Formosa mill-Università ta’ Malta. Il-mudell artistiku 3D fil-plastik, ta’ madwar 160cm kwadrat, ġie stampat, u ntbagħat lid-Domus Dei Fonderia Artistica 1963 f’Ruma biex isir fil-bronż.
Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lill-ħaddiema tar-Restoration Unit u tal-Uffiċċju Amministrattiv taċ-Ċittadella, ilkoll fi ħdan id-Direttorat għall-Wirt Kulturali li ħadmu l-pedestall tal-ġebel kif ukoll lil kull min ta sehmu biex dan il-proġett seta’ jkun possibbli.