Inawgurat spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tat-tfal fil-Birgu.

Minister for Public Works and Planning Stefan Zrinzo Azzopardi inaugurates new garden in Birgu
Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi flimkien mas-Sindku tal-Birgu John Boxall inawguraw spazju miftuħ għar-rikreazzjoni tat-tfal magħruf bħala l-Bandli tal-Birgu.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif l-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tad-Development Planning Funds, tat għajnuna finanzjarja li tammonta għal kważi €120,000 sabiex isiru xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni f’dan il-bandli. Huwa qal kif dan il-fond hu ta’ għajnuna kbira għall-kunsilli lokali biex iwettqu proġetti fil-komunitajiet.
Il-Ministru faħħar ix-xogħlijiet li għamel id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex fis-sit setgħu jiġu installati l-bandli u l-bankijiet il-ġodda. Gie rranġat ukoll il-pavimentar biex l-ilma tax-xita ma jibqax jaqleb għal ġos-swar iżda joħrog għat-triq, kif ukoll ġew restawrati l-ħajt u r-rixtellu ta’ barra u żdiedet il-ħamrija fil-ħwat tas-siġar.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna kif dan il-proġett huwa xhieda oħra tal-ħidma ta’ dan il-Gvern biex iż-żoni urbani jkomplu jiġu rinovati bi proġetti aktar sostenibbli u b’hekk in-nies igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar. Filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Birgu tal-ħidma kontinwa tiegħu, saħaq kif issa, il-komunità għandha spazju rikreattiv għall-familji u għat-tfal.​
Min-naħa tiegħu, is-Sindku John Boxall wera l-apprezzament tiegħu lejn l- Awtorità tal-Ippjanar għal dan il-fond li hu ta’ għajnuna kbira għall-kunsilli lokali. Is-Sindku rringrazzja lill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali u l-voluntiera li kienu ta’ għajnuna waqt ix-xogħlijiet ta’ dan il-proġett.
 Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Perit Vincent Cassar, Chairperson tal-Kumitat tal-Fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp (DPF) tal-Awtorità tal-Ippjanar, u d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Perit Stephen Bonello.