Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri inawgura investiment privat ta’ kwart ta’ miljun ewro għall-faċilità tal-esports ġewwa l-Plaza Shopping Centre f’Tas-Sliema.
Il-Ministru Schembri qal li dan l-investiment huwa uniku fix-xorta tiegħu hekk kif f’post ta’ divertiment għall-familja kollha qed jipprovdi l-faċilitajiet kollha għall-esports professjonali.
“Din hija l-viżjoni strateġika tagħna li bdejna naħdmu fuqha tliet snin u nofs ilu u dan l-investiment se jgħin biex parti minn din il-viżjoni tkompli tissaħħaħ, viżjoni li qed tara li s-setturi tal-video game development u tal-esports jammontaw għal 1% tal-Prodott Domestiku Gross matul it-tmien snin li ġejjin”, saħaq il-Ministru Silvio Schembri.
Żied jgħid li l-industrija tal-esports hija waħda globali li qed tikber u Malta mhix eċċezzjoni fejn jidħol dan is-settur.
“Bl-istess mod li dixxiplini sportivi tradizzjonali jorganizzaw kompetizzjonijiet, l-esports jinkludi kompetizzjonijiet permezz tal-logħob diġitali. Mhijiex sempliċiment xi ħaġa li tiġri fid-djar biss bħala passatemp, iżda hija industrija li qed tirnexxi u ssir aktar professjonali maż-żmien”, innota l-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri qal li l-gvern se jkompli fil-mixja tiegħu biex juri d-dinamiżmu u l-impenn ta’ Malta fit-trawwim ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda.
Malcolm Saleeb, id-Direttur ta’ Esports Plaza, qal li dan huwa proġett ibbażat fuq l-imħabba għall-esports.
“Billi ngħaqqdu aspett ta’ divertiment għall-familja ma’ dak professjonali, qegħdin niżguraw li l-esports ikunu faċilment disponibbli għal kulħadd. L-għan ewlieni tagħna huwa li nikkontribwixxu lejn it-tkabbir tax-xena tal-esports lokali u li npoġġu lil Malta fuq il-mappa bħala d-destinazzjoni ideali għall-attivitajiet tal-esports”, qal is-Sur Saleeb.
Is-Sur Charles Farrugia, Chairperson tal-Plaza Shopping Centre, qal li l-investiment li l-kumpanija għamlet fil-qasam tal-esports se jwassal għall-esperjenza ġdida f’dak li għandu x’jaqsam ma’ shopping malls f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu Ivan Filletti, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Gaming Foundation, qal li faċilità ta’ esports fi ħdan ċentru kummerċjali, b’investiment mis-settur privat juri li l-ħidma li saret mill-gvern u Gaming Malta qed iħallu l-frott mixtieq, u qed jikbru f’eko-sistema sostenibbli.