Inawgurata l-Ambaxxata tar-Repubblika ta’ Malta fil-Brażil

Matul il-jum tal-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2022, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg inawgura uffiċjalment l-Ambaxxata tar-Repubblika ta’ Malta fil-Brażil, fil-belt kapitali ta’ Brasilia.
Fid-diskors tal-okkażjoni, li-Ministru Ian Borg sostna li d-deċiżjoni tal-Gvern Malti biex tinfetaħ din l-ambaxxata huwa pass importanti ħafna għall-politika barranija ta’ pajjiżna. Huwa qal li dan qed isir ukoll anke wara li fl-istrateġija tal-politika Maltija għall-affarijiet barranin kien speċifikat li Malta għandha tara li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi tal-Amerika Latina sabiex tesplora opportunitajiet ġodda politiċi u anke ekonomiċi.
Il-Ministru Borg żied jgħid li din l-inawgurazzjoni għandha sservi bħala punt tat-tluq sabiex Malta tespandi ħidmietha f’dan ir-reġjun importanti.​
Huwa rringrazzja lill-Ambaxxatur John Aquilina u lid-Deputat Kap tal-Missjoni Steve Cachia tal-impenn u ta’ ħidmiethom sabiex dan kollu seta’ jkun realtà.
L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Brażil John Aquilina qal li jħossu onorat li qed jingħata l-fiduċja sabiex ikun l-ewwel ambaxxatur Malti fl-Amerika Latina u b’hekk iħoss li għandu responsabbiltà u obbligu li b’ħidmietu jressaq lejn pajjiżna aktar opportunitajiet, b’mod speċjali dawk relatati mal-kummerċ.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Christopher Cutajar spjega li l-ħidma fi ħdan il-ministeru sabiex pajjiżna jkollu rappreżentanza aktar wiesgħa madwar id-dinja ilha għaddejja. Huwa sejjaħ dan il-pass bħala wieħed strateġikament importanti u li se jkun qed ikompli jiftaħ aktar bibien diplomatiċi. Is-Sur Cutajar elenka l-ħidma li għaddejja fi sfond ta’ ambaxxati oħra madwar id-dinja.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm numru ta’ ambaxxaturi Ewropej oħra għall-Brażil u uffiċjali għolja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Brażil.