Inawgurati tnax-il vettura speċjalizzata għall-Korp tal-Pulizija.

Ġew inawgurati tnax-il vettura ġdida għall-Korp tal-Pulzija b’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro. Dawn il-vetturi tat-tip 4×4 se jkunu qed jintużaw mal-flotta eżistenti fid-distretti u ma’ flottot oħrajn ta’ branki speċjalizzati.  Fil-fatt, dawn il-vetturi se jkunu qed ilaħħqu postijiet remoti fejn bil-karozzi eżistenti ma jistgħux jintlaħqu, b’mod partikolari f’sejħiet ta’ salvataġġ.
Parti mill-finanzjament ta’ erbgħa minn dawn il-vetturi nkiseb minn fondi Ewropej, mill-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri u Viża).
Għall-inawgurazzjoni ta’ dawn il-vetturi, li saret fil-Kwartieri tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan l-investiment hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-Korp tal-Pulizija, hekk kif dawn huma karozzi speċifiki li sa issa l-Korp ma kellux bħalhom. Fil-fatt, dawn se jkunu qed jiżdiedu mal-flotta, li kull ma jmur dejjem qed tinbidel u tissaħaħħ. Huwa tenna kif, “Il-Gvern qed jagħmel investiment bla preċedent fil-Korpi Dixxiplinati, b’mod partikolari fil-Korp tal-Pulizija, dan sabiex tissaħħaħ is-sigurtà f’pajjiżna u għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”​
Dr Camilleri qal li dawn il-vetturi huma parti minn dan l-investiment li l-korp tal-Pulizija qed jagħmel sabiex jgħin lill-uffiċjali fil-qadi ta’ dmirijiethom. Apparti minn hekk, qed isir ukoll investiment f’apparat ieħor li  qed  jgħin lill-Korp jiġġieled il-kriminalità. Fil-fatt, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ madwar 4% fil-każi rappurtati meta mqabbel mall-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, “B’investiment ta’ nofs miljun ewro nxtraw dawn il-vetturi 4×4 li fost oħrajn se jintużaw biex jissorveljaw żoni remoti waqt operazzjonijiet ta’ salvataġġ, li ma jistgħux jintlaħqu b’vetturi normali. Dawn il-vetturi se jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-uffiċjali li jaħdmu fit-Taqsima tal-Immigrazzjoni.”
Dr Bonett spjega li dan l-investiment huwa parti mill-proġett  ‘Malta Police Force’s Specific Actions for Border Surveillance’, fejn il-Korp tal-Pulizija ingħata €2,666,666.67 mill-Fond għas-Sigurtà Interna (Fruntieri u Viża) sabiex ikollu aktar tagħmir fejn jidħlu operazzjonijiet ta’ kontroll tal-fruntieri u miżuri ta’ sorveljanza, dan biex pajjiżna jkompli jindirizza aħjar l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari.​​​
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa qal li din il-flotta ta’ vetturi ġodda se tkun qed tassisti kemm lill-Pulizija tad-Distrett fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, kif ukoll sezzjonijiet oħra li jagħmlu xogħol ta’ sorveljenza madwar il-kosta Maltija. Qal li, “Permezz ta’ dan l-investiment, għall-ewwel darba l-Pulizija tad-Distrett se jkunu qed jiġu attrezzati b’vetturi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-postijiet li l-aċċess għalihom mhux daqshekk faċli, bħal żoni rurali, fost oħrajn.” Huwa temm jgħid li, l-istess bħal vetturi u muturi oħra li ġew imnedija dan l-aħħar, il-kuluri ta’ dawn il-vetturi huma intiżi wkoll li jżidu l-viżibilità tal-pulizija fit-triq.