Presidenti Emeriti
Onorevoli Membri,
Eċċellenzi,
Mistednin Distinti,
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Nibda billi nirringrazzja lill-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti, partikolarment lill-Prim Ministru li nnominani u lill-Kap tal-Oppożizzjoni li ssekondani, għall-fiduċja li wrew fija meta qablu, u għażlu li lili jafdawli r-rwol ta’ President tar-Repubblika maħbuba tagħna, Malta, “l-Omm li tatna isimha”.
B’riżultat ta’ dan, jien, ċittadina Maltija minn Għawdex, ġejt mogħtija l-privileġġ illi nservi lil artna u lill-poplu tagħna fl-ogħla kariga tal-Istat. Privileġġ illi miegħu jġib piżijiet kbar, li jirrikjedi illi wieħed jifhem u jirrikonoxxi d-diversi angoli li għandu dan ir-rwol.
Ta’ importanza primarja, ir-rwol kostituzzjonali kif naxxenti mill-Kostituzzjoni, għax dik hija l-Presidenza.
Ma’ dan irid jiżdied dak li żviluppaw l-għaxar Presidenti ta’ qabli, u inkluż magħhom, l-Aġent President Pawlu Xuereb; l-aspett ħanin ta’ wens u sostenn mill-Presidenza fil-bżonnijiet li jolqtu lin-nies vulnerabbli, u wkoll dawk milquta minn mard u diżgrazzji.
Il-ħatra tiegħi f’din il-kariga u n-nomina tal-Avukat Dottor Francis Zammit Dimech bħala Aġent President, bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, huma awgurju tajjeb biex f’pajjiżna, bis-serjetà, inwittu t-triq għall-għaqda bejnietna biex flimkien naħdmu aħjar.
Din id-darba, il-ħatra tal-President saret skont l-emendi tas-sena elfejn u għoxrin (2020) għall-artikolu tmienja u erbgħin (48) tal-Kostituzzjoni. Dawn l-emendi daħħlu r-rekwiżit illi l-ħatra tal-President tar-Repubblika għandha ssir bil-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Din l-emenda tefgħet piż kbir fuq il-Gvern u l-Oppożizzjoni, sabiex jagħmlu ħilithom u jaslu għal ftehim dwar in-nomina ta’ President tar-Repubblika.
Nifraħ lil kull min ħadem biex dan il-ftehim jintlaħaq. Ma tantx kienet tkun ħaġa sabiħa, u wisq anqas tajba, illi, wara li kien hemm ftehim li l-ħatra ta’ President tirrikjedi l-vot taż-żewġ terzi tal-Kamra, affaċċjati bl-ewwel “test”, dawk li fuqhom kien hemm il-piż li jfittxu qbil, ma jaqblux.
Ir-rekwiżit taż-żewġ terzi mhuwiex xkiel. Jiżbaljaw dawk fostna illi jitbikkew meta l-Kostituzzjoni tagħna tirrikjedi approvazzjoni ta’ żewġ terzi mill-Kamra. Ir-rekwiżit taż-żewġ terzi huwa għodda li tinkoraġġixxi “consensus building”, illi tkompli tiżviluppa l-mod kif issir il-politika, tippromwovi t-tħaddim tad-djalogu, tal-persważjoni, tal-kompromess, imsejsa fuq il-komprensjoni tal-preokkupazzjonijiet ta’ kull parti involuta fil-proċess – sew jekk il-kompożizzjoni tal-Kamra tkun magħmula biss minn żewġ formazzjonijiet politiċi u wkoll jekk xi darba, bħalma kellna fil-passat, fil-Kamra jkun hemm aktar minn żewġ formazzjonijiet. Dan, iżda, fl-ambitu tal-liġijiet preżenti, u ċ-ċokon ta’ formazzjonijiet politiċi oħra, fi żvantaġġ, bis-sistema elettorali meta jiġu biex ikollhom rappreżentanza ta’ membri fil-Kamra, ikun jirrikjedi emendi. Emendi bl-iskop li aktar nipperfezzjonaw is-sistema elettorali tagħna u nressquha aktar qrib lejn il-prinċipju demokratiku kardinali ta’ “one person, one vote, one value”.
F’dan ukoll ikun rikjest il-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra.
Ejjew niftakru wkoll illi anke t-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta ħamsin sena ilu fit-tlettax ta’ Diċembru elf disa’ mija u erbgħa u sebgħin (13/12/1974), kien jirrikjedi l-vot ta’ mill-anqas żewġ terzi tal-Kamra, u dakinhar, ukoll intlaħaq il-ftehim li kien neċessarju.
Nemmen li l-awgurju biex kemm jista’ jkun insibu kunsens hemm qiegħed, ħaddimnieh fil-passat, iżda jeħtieġ illi nħaddmuh aktar għal li ġej.
It-twaqqif tar-Repubblika kien il-kulminazzjoni, il-frott ta’ żviluppi mmexxijin mill-antenati tagħna, kultant b’pass ‘il quddiem, u drabi oħra b’passejn lura, minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Sakemm Malta saret Indipendenti fl-elf disa’ mija u erbgħa u sittin (1964) u Repubblika fl-elf disa’ mija u erbgħa u sebgħin (1974), dejjem kien hemm sezzjoni mill-poplu tagħna li baqgħet bil-weġgħa f’qalbha illi l-protezzjoni tal-potenza Brittanika li fittixna fl-elf u tmien mija (1800) inbidlet f’ħakma kolonjali bl-iskop ewlieni li sservi l-interessi tal-ħakkiem.
B’rajna f’idejna, amministrazzjoni wara oħra, bdew jiżviluppaw l-oqsma ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna, u llum, wasalna f’sitwazzjoni fejn pajjiżna m’għadx għandu l-pjaga tan-nuqqas ta’ xogħol, u qegħdin inkunu ta’ rifuġju għal bnedmin oħra li, bħalma għamlu niesna fi żminijiet oħrajn, qegħdin jitturufnaw ruħhom minn art twelidhom sabiex ifittxu ħajja aħjar.
Minħabba f’hekk, qiegħda tirriżulta sitwazzjoni fejn qed ikollna influss fostna minn dawn il-barranin minn pajjiżi li m’għandhomx il-prosperità li bl-għaqal tad-diversi mexxejja politiċi tagħna, ilħaqna llum.
L-ewwel pass sabiex nintegraw lil dawn il-barranin, anqas ixxurtjati minna, li ġew ifittxu ħajja aħjar fostna, huwa li nħaddnuhom magħna u nifhmuhom; irridu mmorru lil hinn mill-passività tat-tolleranza, lil hinn ukoll minn aċċettazzjoni nofs kedda u ta’ bilfors għaliex għandna bżonnhom.
Mhuwiex biżżejjed li nikkontribwixxu b’ġenerożità, f’għotjiet ta’ flus biex tingħata għajnuna supplimentari għal dik provduta mill-Istat lil min, fis-soċjetà tagħna, isib ruħu f’pożizzjoni vulnerabbli. Il-ġenerożità fil-karattru nazzjonali tagħna għandha wkoll timmanifesta ruħha b’mod aktar wiesgħa; għandha tkun il-bażi tal-operat ta’ kull wieħed u waħda minna ma’ xulxin u ma’ dawk li ġew jgħixu fostna.
Irridu nkunu wkoll lesti li nilqgħu lill-proxxmu illi, b’diversi sagrifiċċji, jaħrab mill-moħqrija ta’ ħajja iebsa soċjalment f’pajjiżu, inkluż sitwazzjonijiet ta’ konflitti armati, u, bl-għajnuna u l-koperazzjoni ta’ sħabna fl-Unjoni Ewropea, ngħinuhom jistabbilixxu l-pedament ta’ ħajja aħjar.
L-għaqda, it-trankwillità, u s-serenità f’pajjiżna rridu lkoll kemm aħna kontinwament naħdmu għalihom; ebda president waħdu m’għandu bakketta maġika biex mil-lum għall-għada jġib fostna għaqda u armonija.
Hemm bżonn li nippromwovu l-valuri ta’ impenn u awtodixxiplina. Jekk irridu li pajjiżna jibqa’ jgawdi rispett, anke rispett barra minn xtutna, irridu nibdew miż-żgħar tagħna. Minn età tenera, fid-djar, fl-għożża tal-familja u tan-nanniet, indaħħlu fihom l-għan illi dak li jagħmlu, dejjem jagħmluh sewwa, u għas-sewwa. Ma’ dan, irridu nittrenjawhom fix-xjenza tal-ħsieb, ħsieb loġiku u raġunat, biex ikunu kapaċi janalizzaw is-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom, l-argumenti li jkunu qegħdin jitpoġġew quddiemhom, u jaslu għal deċiżjonijiet tajba mhux biss għalihom infushom, imma wkoll għall-ġid tal-oħrajn.
Hemm bżonn li b’mod konxju nnisslu fihom l-imħabba għal Malta pajjiżhom.
Biex dan iseħħ, magħġun u parti naturali mis-sistema edukattiva, għandna nressquhom lejn apprezzament tas-sbuħija naturali ta’ Malta u Għawdex tagħna. Għandhom ikunu jafu, u jkunu marru fiżikament, f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.
Dan biex b’mod tanġibbli jkollhom apprezzament konxju tal-ambjent naturali u fiżiku ta’ pajjiżna li kulma jmur qiegħed ikun mhedded.
Naraw li minn ċkunithom, inqarrbuhom lejn il-kultura u l-istorja rikka li għandna ħalli nsaħħu fihom l-apprezzament tal-identità tagħna bħala nazzjon; niżviluppaw fihom interess fil-letteratura Maltija li, f’dawn l-aħħar sebgħin sena, twessgħet u żviluppat, u nagħmluhom ġelużi għal-lingwa Maltija, l-ilsien matern tagħna.
Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem m’għandhomx ikunu rispettati biss għaliex huma obbligu legali minqux fil-Kostituzzjoni tagħna, iżda, għaliex inħossuhom b’mod qawwi fil-ġewwieni tagħna. Il-bażi ta’ dawn id-drittijiet huwa l-bniedem – l-individwu – u għandna dejjem inżommu quddiem għajnejna illi kull individwu huwa ċellola żgħira mill-massa kbira tal-umanità.
L-artikolu wieħed (1), subartikolu tlieta (3) tal-Kostituzzjoni tagħna, apparti d-dikjarazzjoni tan-newtralità ta’ Malta, jiddikjara wkoll illi Malta hija stat, “li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-sigurtà, u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha”.
Li wieħed attivament ifittex, “ li jilħaq il-paċi” narah bħala estensjoni tad-drittijiet tal-individwi, miġbura fil-kollettività tal-umanità. Dan għaliex l-individwi jilħqu biss il-quċċata tal-potenzjal tagħhom f’ambjent seren; it-twessigħ tal-kunċett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem biex jinkludi fih ukoll id-drittijiet tal-umanità bħala kollettività, huwa wkoll marbut mal-kunċett tal-“common heritage of mankind” proponut minn Malta fin-Nazzjonijiet Uniti lejn l-aħħar tas-snin sittin. F’dan il-kuntest, aktar toqgħod it-terminoloġija “Ġnus Magħquda”.
Għalkemm tidher ħolma mbiegħda, Utopja, għandna nisħqu biex in-Nazzjonijiet Uniti jkunu forza b’aktar snien fejn tidħol il-paċi. Malta m’għandhiex taqta’ qalbha għax il-pass ikun anqas minn dak ta’ nemla; din it-triq laborjuża u mimlija ħofor u ħotob. Ilu snin jinħass illi, fit-tkattir tal-paċi, in-Nazzjonijiet Uniti reġgħet waqgħet fid-dgħufija tal-League of Nations qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.
Riċentement, fil-fora internazzjonali, Malta kompliet bil-ħidma tagħha, attiva u konkreta, favur il-paċi u kontra l-ħruxija tal-gwerer, huma fejn huma, u hi x’inhi l-kawża tagħhom, bla distinzjoni – ukoll jekk, minħabba l-involviment ta’ Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea u l-impenn ta’ Malta fl-ewwel konferenza ta’ Helsinki biex iġġib fuq quddiem ir-rabta bejn is-sigurtà fl-Ewropa u s-sigurtà fil-Mediterran, f’Malta aktar hawn interess fil-gwerra tal-Ukrajna u l-konflitti fil-Lvant Nofsani.
Malta qatt ma waqfet li tippromwovi l-paċi, u f’din is-sena kurrenti, Malta ġiet fdata biċ-Chairpersonship tal-OSCE. Wieħed għandu jinnota li kienet Malta li fit-tieni Helsinki Conference – u minn Helsinki ħarġu l-hekk magħrufa “Helsinki Accords” u ċ-Charter of Paris for a New Europe, – li proponiet li titwaqqaf organizzazzjoni (l-OSCE, qabel is-CSCE) bħala arranġament reġjonali għaż-żamma tal-paċi skont id-definizzjoni li tirriżulta mill-Kapitolu tmienja (VIII) tal-United Nations Charter.
Il-gwerer u l-konflitti armati mhux biss jeqirdu lill-umanità, iżda, l-armamenti u l-inġenji tal-gwerra jniġġsu u jeqirdu wkoll il-pjaneta.
Fil-konfini tat-territorju tagħna, irridu nkomplu nsaħħu dawk is-servizzi provduti mill-Istat għall-ġid komuni taċ-ċittadini, mhux biss fl-edukazzjoni, iżda wkoll fis-saħħa, u fil-preżent, għandna l-isfida li npoġġu s-saħħa mentali tal-poplu tagħna fuq quddiem, u neqirdu t-taboos u l-preġudizzji dwarha.
Jidhirli, iżda, li, apparti l-mard fiżiku u mentali, qiegħda tinħass b’mod aktar akut marda ġdida illi dan l-aħħar daħlet b’intensità kbira fostna – il-kilba għall-flus.
Il-kilba għall-flus ħafna drabi tissarraf f’forom ta’ korruzzjoni; indifferenza għat-tbatijiet li jinħolqu u li jsofri ħaddieħor. Hija agħar mill-vizzju tad-droga, li forsi, fil-perċezzjoni tal-maġġoranza tal-poplu tagħna hija l-ikreh vizzju. L-imsejken mirkub mill-vizzju tad-droga, l-akbar dannu jagħmlu lilu nnifsu, min hu mirkub mill-gula għall-flus, id-dannu ma jagħmlux biss lilu nnifsu, imma jagħmlu wkoll lis-soċjetà kollha.
Il-governanza tajba hija kunċett li m’għandu jiġi mwarrab qatt. Dan huwa parti mit-twessigħ u l-evoluzzjoni tad-demokrazija. Bdejna. Jiena hawn quddiemkom, riżultat ta’ waħda mir-riformi fit-twessigħ ta’ governanza. Uħud minn dawn ir-riformi saru fuq rakkomandazzjonijiet li ġew minn barra pajjiżna.
Ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-inkjesti pubbliċi huma rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn fostna. Inutli jsiru inkjesti pubbliċi jekk ma narawx bis-serjetà illi r-rakkomandazzjonijiet tagħhom nimplimentawhom. Fil-każ tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, jidher li hemm impenn biex ikunu adottati u implimentati r-rakkomandazzjonijiet tagħha.
Ma ninsewx, iżda, li għad baqa’ ħafna xi jsir fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet illi ħarġu mill-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qiegħda nirreferi b’mod partikolari għar-riformi li jolqtu l-media. Nisħaq illi l-media, flimkien mat-tliet organi tal-Istat, hija r-raba’ pilastru fit-tħaddim tad-demokrazija.
Bil-media elettronika, il-media verament trasformat ruħha f’“mass media” – il-media tal-massa. Fit-tajjeb tagħha, il-media elettronika tat vuċi lil aktar u aktar ċittadini, kemm-il darba tintuża sewwa u bi skop tajjeb.
L-iskrutinju tal-operat tal-Gvern mhuwiex biss tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, iżda, l-mezzi kollha tal-media flimkien, jeżerċitaw skrutinju mhux biss fuq il-Gvern, iżda wkoll fuq l-Oppożizzjoni, u jixprunawhom sabiex ikunu aktar iffukati biex jameljoraw lilhom infushom, u dejjem ikunu ta’ servizz akbar għall-poplu.
Il-media hija wkoll il-vuċi tal-poplu. Twassal x’qiegħed iħoss il-poplu, u għandha d-dover li tivventila l-vuċijiet tal-minoranzi. Is-soċjetajiet ċivili, fid-diversi għanijiet li jesponu, għandhom jingħataw piż kbir.
Meta l-poplu jinġabar fit-toroq u fil-pjazez biex iwassal leħnu, sakemm dan isir b’mod paċifiku u assolutament nieqes minn vjolenza fiżika u verbali, dan huwa eżerċizzju tas-sovranità tal-poplu. Nisimgħuh, u nagħtu kasu.
Li nibdlu r-rotta m’għandhiex tkun opportunità oħra biex nitgħajru, li fl-arena pubblika, quddiem kulħadd, wieħed jammetti żball u jibdel ir-rotta, mhuwiex faċli. Ejja ma nagħmluhiex aktar diffiċli. Li tinbidel ir-rotta, almenu f’dawk il-materji ta’ ċerta importanza, għandu jkun rakkomandat u mhux ittimbrat “U-turn”, għax dan jiskuraġġixxi l-korrezzjonijiet li jkunu neċessarji.
Persuni involuti fil-politika, ilkoll flimkien, iridu jaraw illi ma jibqgħux aktar ikunu l-kaġun illi jnisslu apatija fost in-nies lejn il-politika. Jidher li dejjem qiegħed jiżdied fost niesna s-sentiment illi l-politika ddarras. Sentiment illi qiegħed jissarraf f’indifferenza lejn il-politika. Jekk din is-sitwazzjoni mhix ser tiġi affaċċjata bis-serjetà, pajjiżna ser ibati minn nuqqas ta’ mexxejja fil-futur minn fost iż-żagħżagħ tagħna. Minn hawn insellem lil dawk il-politiċi żagħżagħ illi qegħdin isibu posthom fil-Kunsilli Lokali u fil-Kamra tar-Rappreżentanti; hemm bżonn li naraw aktar u aktar minnhom jiġu fuq quddiem ħa jkollhom parti fit-tmexxija futura ta’ pajjiżna.
Hemm ħafna materji illi nistgħu naqblu fuqhom. Ser nagħmel l-almu tiegħi kollu biex inkun strument ta’ għaqda li tgħolli l-istima u l-profil nazzjonali u internazzjonali ta’ Malta.
Sezzjoni mill-poplu, dawk li jimpurtahom, hija tal-opinjoni illi għandhom isiru tibdiliet fil-Kostituzzjoni li jirriflettu ċertu tibdil ta’ ċirkostanzi. Sar aċċenn għal konvenzjoni kostituzzjonali, u dan minn żmien għal żmien, issemma waqt it-tliet presidenzi preċedenti. Sar ukoll ħafna xogħol fil-presidenza preċedenti. L-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella jidher li huwa tal-opinjoni, almenu hekk fhimt jien, illi ladarba l-konvenzjoni tkun varata, il-Presidenza tieqaf hemm, u tafda l-konvenzjoni f’idejn persuna jew persuni li għandhom l-aħjar kwalitajiet biex imexxu l-konvenzjoni ‘l quddiem. Jien naqbel ma’ dan mija fil-mija, iżda, dan kollu jiddependi fuq li jkun hemm qbil fl-għażla tal-persuni li lilhom ikun fdat dan l-eżerċizzju.
Għal dak li jirrigwarda s-settur ekonomiku, pjan fit-tul jevita li jkun hemm skossi meta amministrazzjoni ġdida tieħu post dik ta’ qabilha, u joħloq aktar stabbilità li minnha fiha, tinkuraġġixxi aktar investiment sew lokali kif ukoll minn barra l-pajjiż. Għal darb’oħra, biex dan l-għan jintlaħaq, huwa neċessarju l-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, u dan wara diskussjonijiet ma’ esperti u mal-imsieħba soċjali.
Irridu nfittxu modi konkreti biex, b’azzjoni, fost il-poplu tagħna titkattar il-fiduċja f’xulxin u fl-amministrazzjoni pubblika. Għandna nfittxu li nsaħħu l-organi u l-istituzzjonijiet tal-Istat, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-forzi taż-żamma tal-ordni.
Il-ferita tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadha miftuħa beraħ. Minnha għadu ħiereġ id-demm. Hemm bżonn li dan l-episodju tal-waħx jingħalaq darba għal dejjem. Inkella, m’aħniex ser naqbdu t-triq ‘il quddiem. Inkella l-“fallout” minnha jibqa’ jdur u jiġri magħna.
Għalkemm għadda ż-żmien mhux ħażin mill-imwiet ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana, il-fatt li dawn qatt ma kellhom għeluq, bl-Ingliż “closure”, il-feriti tagħhom ukoll għadhom inixxu. Ejjew ma jiġrilniex l-istess.
Nonqoshom lil ħuti l-Għawdxin jekk ma nfittixx toroq sabiex anke huma jħossuhom aktar qrib tal-Presidenza. Jien naf xi jfisser li tkun ġejja minn Għawdex, u l-isforzi akbar li l-Għawdxin iridu jagħmlu kawża tal-feles baħar li jifridna minn Malta.
Huwa għan tiegħi illi, tul il-ħames snin li ġejjin, inkun viżibbli u aċċessibbli. Dan ma jfissirx li ser nindaħal f’kollox jew nitkellem fuq kollox. Ifisser li nitkellem biss fil-beraħ meta jkun jidhirli li hekk hemm bżonn u hekk jixirqilha s-sitwazzjoni.
Nixtieq li l-Presidenza tal-ħames snin li ġejjin tkun magħrufa bħala l-Presidenza tan-nies u għan-nies.
Ħadd u xejn mhu akbar minn Malta, “l-Omm li tatna isimha”. Dan jinkludi liż-żewġ partiti l-kbar. Jien naf u persważa, li ż-żewġ partiti jridu l-ġid ta’ Malta. F’dan ir-rigward, nappella liż-żewġ mexxejja illi jkunu strumentali biex b’mod konkret u tanġibbli juru li l-imħabba li huma għandhom għal Malta u niesha, tiġi l-ewwel u qabel kollox, qabel il-partiti. L-eżempju tagħhom jiġbed warajhom lis-segwaċi tagħhom li wkoll jimmoderaw il-partiġġjaniżmu biex il-kollettiv dejjem ikollu preċedenza fuq l-interessi egoistiċi.
Id-dixxiplina interna fiż-żewġ partiti għandha tkun il-preparazzjoni u l-pedament għal imġiba u standards korretti meta partit ikun fdat bil-gvern mill-elettorat.
Għandna l-kwalitajiet neċessarji biex jirnexxielna ntejbu dak li hemm bżonn jitjieb u nagħmlu Malta aħjar għal uliedna u wlied uliedna. Ejjew nagħmlu dan flimkien.
Nirringrazzjakom.
L-għaqda, it-trankwillità, u s-serenità f’pajjiżna rridu lkoll kemm aħna kontinwament naħdmu għalihom; ebda president waħdu m’għandu bakketta maġika biex mil-lum għall-għada jġib fostna għaqda u armonija.
Hemm bżonn li nippromwovu l-valuri ta’ impenn u awtodixxiplina. Jekk irridu li pajjiżna jibqa’ jgawdi rispett, anke rispett barra minn xtutna, irridu nibdew miż-żgħar tagħna. Minn età tenera, fid-djar, fl-għożża tal-familja u tan-nanniet, indaħħlu fihom l-għan illi dak li jagħmlu, dejjem jagħmluh sewwa, u għas-sewwa. Ma’ dan, irridu nittrenjawhom fix-xjenza tal-ħsieb, ħsieb loġiku u raġunat, biex ikunu kapaċi janalizzaw is-sitwazzjonijiet li jsibu ruħhom fihom, l-argumenti li jkunu qegħdin jitpoġġew quddiemhom, u jaslu għal deċiżjonijiet tajba mhux biss għalihom infushom, imma wkoll għall-ġid tal-oħrajn.
Hemm bżonn li b’mod konxju nnisslu fihom l-imħabba għal Malta pajjiżhom.
Biex dan iseħħ, magħġun u parti naturali mis-sistema edukattiva, għandna nressquhom lejn apprezzament tas-sbuħija naturali ta’ Malta u Għawdex tagħna. Għandhom ikunu jafu, u jkunu marru fiżikament, f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.
Dan biex b’mod tanġibbli jkollhom apprezzament konxju tal-ambjent naturali u fiżiku ta’ pajjiżna li kulma jmur qiegħed ikun mhedded.
Naraw li minn ċkunithom, inqarrbuhom lejn il-kultura u l-istorja rikka li għandna ħalli nsaħħu fihom l-apprezzament tal-identità tagħna bħala nazzjon; niżviluppaw fihom interess fil-letteratura Maltija li, f’dawn l-aħħar sebgħin sena, twessgħet u żviluppat, u nagħmluhom ġelużi għal-lingwa Maltija, l-ilsien matern tagħna.
Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem m’għandhomx ikunu rispettati biss għaliex huma obbligu legali minqux fil-Kostituzzjoni tagħna, iżda, għaliex inħossuhom b’mod qawwi fil-ġewwieni tagħna. Il-bażi ta’ dawn id-drittijiet huwa l-bniedem – l-individwu – u għandna dejjem inżommu quddiem għajnejna illi kull individwu huwa ċellola żgħira mill-massa kbira tal-umanità.
L-artikolu wieħed (1), subartikolu tlieta (3) tal-Kostituzzjoni tagħna, apparti d-dikjarazzjoni tan-newtralità ta’ Malta, jiddikjara wkoll illi Malta hija stat, “li jrid attivament jilħaq il-paċi, is-sigurtà, u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha“.
Li wieħed attivament ifittex, “ li jilħaq il-paċi” narah bħala estensjoni tad-drittijiet tal-individwi, miġbura fil-kollettività tal-umanità. Dan għaliex l-individwi jilħqu biss il-quċċata tal-potenzjal tagħhom f’ambjent seren; it-twessigħ tal-kunċett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem biex jinkludi fih ukoll id-drittijiet tal-umanità bħala kollettività, huwa wkoll marbut mal-kunċett tal-“common heritage of mankind” proponut minn Malta fin-Nazzjonijiet Uniti lejn l-aħħar tas-snin sittin. F’dan il-kuntest, aktar toqgħod it-terminoloġija “Ġnus Magħquda“.
Għalkemm tidher ħolma mbiegħda, Utopja, għandna nisħqu biex in-Nazzjonijiet Uniti jkunu forza b’aktar snien fejn tidħol il-paċi. Malta m’għandhiex taqta’ qalbha għax il-pass ikun anqas minn dak ta’ nemla; din it-triq laborjuża u mimlija ħofor u ħotob. Ilu snin jinħass illi, fit-tkattir tal-paċi, in-Nazzjonijiet Uniti reġgħet waqgħet fid-dgħufija tal-League of Nations qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.
Riċentement, fil-fora internazzjonali, Malta kompliet bil-ħidma tagħha, attiva u konkreta, favur il-paċi u kontra l-ħruxija tal-gwerer, huma fejn huma, u hi x’inhi l-kawża tagħhom, bla distinzjoni – ukoll jekk, minħabba l-involviment ta’ Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea u l-impenn ta’ Malta fl-ewwel konferenza ta’ Helsinki biex iġġib fuq quddiem ir-rabta bejn is-sigurtà fl-Ewropa u s-sigurtà fil-Mediterran, f’Malta aktar hawn interess fil-gwerra tal-Ukrajna u l-konflitti fil-Lvant Nofsani.
Malta qatt ma waqfet li tippromwovi l-paċi, u f’din is-sena kurrenti, Malta ġiet fdata biċ-Chairpersonship tal-OSCE. Wieħed għandu jinnota li kienet Malta li fit-tieni Helsinki Conference – u minn Helsinki ħarġu l-hekk magħrufa “Helsinki Accords” u ċ-Charter of Paris for a New Europe, – li proponiet li titwaqqaf organizzazzjoni (l-OSCE, qabel is-CSCE) bħala arranġament reġjonali għaż-żamma tal-paċi skont id-definizzjoni li tirriżulta mill-Kapitolu tmienja (VIII) tal-United Nations Charter.
Il-gwerer u l-konflitti armati mhux biss jeqirdu lill-umanità, iżda, l-armamenti u l-inġenji tal-gwerra jniġġsu u jeqirdu wkoll il-pjaneta.
Fil-konfini tat-territorju tagħna, irridu nkomplu nsaħħu dawk is-servizzi provduti mill-Istat għall-ġid komuni taċ-ċittadini, mhux biss fl-edukazzjoni, iżda wkoll fis-saħħa, u fil-preżent, għandna l-isfida li npoġġu s-saħħa mentali tal-poplu tagħna fuq quddiem, u neqirdu t-taboos u l-preġudizzji dwarha.
Jidhirli, iżda, li, apparti l-mard fiżiku u mentali, qiegħda tinħass b’mod aktar akut marda ġdida illi dan l-aħħar daħlet b’intensità kbira fostna – il-kilba għall-flus.
Il-kilba għall-flus ħafna drabi tissarraf f’forom ta’ korruzzjoni; indifferenza għat-tbatijiet li jinħolqu u li jsofri ħaddieħor. Hija agħar mill-vizzju tad-droga, li forsi, fil-perċezzjoni tal-maġġoranza tal-poplu tagħna hija l-ikreh vizzju. L-imsejken mirkub mill-vizzju tad-droga, l-akbar dannu jagħmlu lilu nnifsu, min hu mirkub mill-gula għall-flus, id-dannu ma jagħmlux biss lilu nnifsu, imma jagħmlu wkoll lis-soċjetà kollha.
Il-governanza tajba hija kunċett li m’għandu jiġi mwarrab qatt. Dan huwa parti mit-twessigħ u l-evoluzzjoni tad-demokrazija. Bdejna. Jiena hawn quddiemkom, riżultat ta’ waħda mir-riformi fit-twessigħ ta’ governanza. Uħud minn dawn ir-riformi saru fuq rakkomandazzjonijiet li ġew minn barra pajjiżna.
Ir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-inkjesti pubbliċi huma rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn fostna. Inutli jsiru inkjesti pubbliċi jekk ma narawx bis-serjetà illi r-rakkomandazzjonijiet tagħhom nimplimentawhom. Fil-każ tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, jidher li hemm impenn biex ikunu adottati u implimentati r-rakkomandazzjonijiet tagħha.
Ma ninsewx, iżda, li għad baqa’ ħafna xi jsir fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet illi ħarġu mill-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qiegħda nirreferi b’mod partikolari għar-riformi li jolqtu l-media. Nisħaq illi l-media, flimkien mat-tliet organi tal-Istat, hija r-raba’ pilastru fit-tħaddim tad-demokrazija.
Bil-media elettronika, il-media verament trasformat ruħha f’“mass media” – il-media tal-massa. Fit-tajjeb tagħha, il-media elettronika tat vuċi lil aktar u aktar ċittadini, kemm-il darba tintuża sewwa u bi skop tajjeb.
L-iskrutinju tal-operat tal-Gvern mhuwiex biss tal-Oppożizzjoni fil-Parlament, iżda, l-mezzi kollha tal-media flimkien, jeżerċitaw skrutinju mhux biss fuq il-Gvern, iżda wkoll fuq l-Oppożizzjoni, u jixprunawhom sabiex ikunu aktar iffukati biex jameljoraw lilhom infushom, u dejjem ikunu ta’ servizz akbar għall-poplu.
Il-media hija wkoll il-vuċi tal-poplu. Twassal x’qiegħed iħoss il-poplu, u għandha d-dover li tivventila l-vuċijiet tal-minoranzi. Is-soċjetajiet ċivili, fid-diversi għanijiet li jesponu, għandhom jingħataw piż kbir.
Meta l-poplu jinġabar fit-toroq u fil-pjazez biex iwassal leħnu, sakemm dan isir b’mod paċifiku u assolutament nieqes minn vjolenza fiżika u verbali, dan huwa eżerċizzju tas-sovranità tal-poplu. Nisimgħuh, u nagħtu kasu.
Li nibdlu r-rotta m’għandhiex tkun opportunità oħra biex nitgħajru, li fl-arena pubblika, quddiem kulħadd, wieħed jammetti żball u jibdel ir-rotta, mhuwiex faċli. Ejja ma nagħmluhiex aktar diffiċli. Li tinbidel ir-rotta, almenu f’dawk il-materji ta’ ċerta importanza, għandu jkun rakkomandat u mhux ittimbrat “U-turn”, għax dan jiskuraġġixxi l-korrezzjonijiet li jkunu neċessarji.
Persuni involuti fil-politika, ilkoll flimkien, iridu jaraw illi ma jibqgħux aktar ikunu l-kaġun illi jnisslu apatija fost in-nies lejn il-politika. Jidher li dejjem qiegħed jiżdied fost niesna s-sentiment illi l-politika ddarras. Sentiment illi qiegħed jissarraf f’indifferenza lejn il-politika. Jekk din is-sitwazzjoni mhix ser tiġi affaċċjata bis-serjetà, pajjiżna ser ibati minn nuqqas ta’ mexxejja fil-futur minn fost iż-żagħżagħ tagħna. Minn hawn insellem lil dawk il-politiċi żagħżagħ illi qegħdin isibu posthom fil-Kunsilli Lokali u fil-Kamra tar-Rappreżentanti; hemm bżonn li naraw aktar u aktar minnhom jiġu fuq quddiem ħa jkollhom parti fit-tmexxija futura ta’ pajjiżna.
Hemm ħafna materji illi nistgħu naqblu fuqhom. Ser nagħmel l-almu tiegħi kollu biex inkun strument ta’ għaqda li tgħolli l-istima u l-profil nazzjonali u internazzjonali ta’ Malta.
Sezzjoni mill-poplu, dawk li jimpurtahom, hija tal-opinjoni illi għandhom isiru tibdiliet fil-Kostituzzjoni li jirriflettu ċertu tibdil ta’ ċirkostanzi. Sar aċċenn għal konvenzjoni kostituzzjonali, u dan minn żmien għal żmien, issemma waqt it-tliet presidenzi preċedenti. Sar ukoll ħafna xogħol fil-presidenza preċedenti. L-Eċċellenza Tiegħu l-President George Vella jidher li huwa tal-opinjoni, almenu hekk fhimt jien, illi ladarba l-konvenzjoni tkun varata, il-Presidenza tieqaf hemm, u tafda l-konvenzjoni f’idejn persuna jew persuni li għandhom l-aħjar kwalitajiet biex imexxu l-konvenzjoni ‘l quddiem. Jien naqbel ma’ dan mija fil-mija, iżda, dan kollu jiddependi fuq li jkun hemm qbil fl-għażla tal-persuni li lilhom ikun fdat dan l-eżerċizzju.
Għal dak li jirrigwarda s-settur ekonomiku, pjan fit-tul jevita li jkun hemm skossi meta amministrazzjoni ġdida tieħu post dik ta’ qabilha, u joħloq aktar stabbilità li minnha fiha, tinkuraġġixxi aktar investiment sew lokali kif ukoll minn barra l-pajjiż. Għal darb’oħra, biex dan l-għan jintlaħaq, huwa neċessarju l-qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, u dan wara diskussjonijiet ma’ esperti u mal-imsieħba soċjali.
Irridu nfittxu modi konkreti biex, b’azzjoni, fost il-poplu tagħna titkattar il-fiduċja f’xulxin u fl-amministrazzjoni pubblika. Għandna nfittxu li nsaħħu l-organi u l-istituzzjonijiet tal-Istat, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-forzi taż-żamma tal-ordni.
Il-ferita tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għadha miftuħa beraħ. Minnha għadu ħiereġ id-demm. Hemm bżonn li dan l-episodju tal-waħx jingħalaq darba għal dejjem. Inkella, m’aħniex ser naqbdu t-triq ‘il quddiem. Inkella l-“fallout” minnha jibqa’ jdur u jiġri magħna.
Għalkemm għadda ż-żmien mhux ħażin mill-imwiet ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana, il-fatt li dawn qatt ma kellhom għeluq, bl-Ingliż “closure“, il-feriti tagħhom ukoll għadhom inixxu. Ejjew ma jiġrilniex l-istess.
Nonqoshom lil ħuti l-Għawdxin jekk ma nfittixx toroq sabiex anke huma jħossuhom aktar qrib tal-Presidenza. Jien naf xi jfisser li tkun ġejja minn Għawdex, u l-isforzi akbar li l-Għawdxin iridu jagħmlu kawża tal-feles baħar li jifridna minn Malta.
Huwa għan tiegħi illi, tul il-ħames snin li ġejjin, inkun viżibbli u aċċessibbli. Dan ma jfissirx li ser nindaħal f’kollox jew nitkellem fuq kollox. Ifisser li nitkellem biss fil-beraħ meta jkun jidhirli li hekk hemm bżonn u hekk jixirqilha s-sitwazzjoni.
Nixtieq li l-Presidenza tal-ħames snin li ġejjin tkun magħrufa bħala l-Presidenza tan-nies u għan-nies.
Ħadd u xejn mhu akbar minn Malta, “l-Omm li tatna isimha“. Dan jinkludi liż-żewġ partiti l-kbar. Jien naf u persważa, li ż-żewġ partiti jridu l-ġid ta’ Malta. F’dan ir-rigward, nappella liż-żewġ mexxejja illi jkunu strumentali biex b’mod konkret u tanġibbli juru li l-imħabba li huma għandhom għal Malta u niesha, tiġi l-ewwel u qabel kollox, qabel il-partiti. L-eżempju tagħhom jiġbed warajhom lis-segwaċi tagħhom li wkoll jimmoderaw il-partiġġjaniżmu biex il-kollettiv dejjem ikollu preċedenza fuq l-interessi egoistiċi.